Sport Sport Ieħor

Jingħata bidu għall-Mediterranean Beach Games

F’Heraklion fi Kreta saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-tielet edizzjoni tal-Mediterranean Beach Games. Wara l-edizzjonijiet ta’ Pescara fl-2015 u Patras fl-2019, il-belt Griega ta’ Heraklion tat bidu għat-tielet edizzjoni.

Fil-bajja ta’ Karteros, saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ bil-parteċipazzjoni tal-Kumitati Olimpiċi nazzjonali fi-reġjun tal-Mediterran. Ċerimonja li s-sinifikat tagħha kien ir-rabta bejn il-kulturi tal-pajjiżi tal-Mediterran mifruxa fuq tlett kontinenti. 

 Il-bandiera ta’ Malta nġarret mill-qaddief Mark Schembri li kien flimkien mal-uffiċjal Joseph Grima u chef de mission tal-Kumitat Olimpiku Malti Dr. Lucienne Attard.

Fl-istess Ċerimonja tal-Ftuħ, fil-preżenza ta’ Spiros Caprlos, President tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej, indirizz mill-President tal-Kumitat Organizattiv – Heraklion 2024 Nikos Ntampakakis kif ukoll mill-President tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Davide Tizzano. 

Huwa wera solidarjetà mal-poplu tal-Marokk wara t-terremot li seħħ u mal-poplu Grieg wara l-għargħar li ħakmu l-pajjiż.

 Il-Logħob kien dikjarat miftuħ mill-Viċi Ministru tal-Isport tal-Greċja Yannis Vroutsis.