Knisja Lokali

Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Marija Reġina fil-Marsa

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Ħadd filgħodu, f’knisja ppakkjata, Fr Anthony Fitzpatrick inħatar bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Reġina fil-Marsa wara li fl-aħħar xhur spiċċaw il-Kappuċċini Franġiskani.

Fr Anthony Fitzpatrick wasal fil-knisja akkumpanjat mill-qraba tiegħu, xhieda, kif ukoll minn membri tal-għaqdiet tal-Parroċċa.

Ritratt: Matthew Tabone

Din il-parroċċa nbniet mill-Kappuċċini tal-Marsa wara t-Tieni Gwerra Dinjija u oriġinarjament din il-knisja kienet iddedikata lill-Madonna tad-Dmugħ. Iżda mbagħad fuq xewqa tar-residenzi stess din inbidlet għal kif nafuha illum – bil-knisja saret Parroċċa ta’ Marija Regina fl-1967.

Waqt l-omelija, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li issa Fr Anthony Fitzpatrick se jkun f’nofs din il-komunità fejn se jkompli jwassal il-messaġġ ta’ Ġesù. Dan filwaqt li rringrazzja lill-Kappuċċini Franġiskani għal ħidma kontinwa tagħhom li propju welldu din il-parroċċa u trasformawha f’dik li hi illum; komunità magħquda fejn in-nies jgħinu lil xulxin.

Il-parroċċa ta’ Marija Reġina tiġbor fiha madwar 2,750 persuna f’900 residenza.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott u Paula Mifsud Bonnici.