Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-bidla fl-istaġuni tista’ tħalli impatt għall-kontro-offensiva

L-Ukrajna, x’aktarx, fadlilha madwar xahar ta’ kumbattimenti mal-qawwiet tar-Russja qabel il-bidla fl-istaġuni u t-temp jibdew iservu bħala ostaklu għall-kontro-offensiva attwali mill-Armata ta’ Kiev li qed tipprova tkeċċi lir-Russi mit-territorji ta’ pajjiżha.

Dan qalu l-Ġeneral Mark Milley, l-ogħla uffiċjal militari tal-Istati Uniti, li, waqt intervista lill-BBC, tenna li l-kesħa u l-maltemp inevitabbli matul il-ġimgħat li ġejjin mgħandhomx jgħinu lit-tattiċi tal-gwerra u l-manuvri militari tal-Ukreni.

Iżda Milley fakkar mill-ġdid li qed ikompli l-ġlied qalil fl-Ukrajna u li ‘il quddiem jista iwassal għal żblokk favur l-Ukreni anki jekk l-offensiva miexja aktar bil-mod milli stennew l-istrateġisti fi Kiev.

L-Istati Uniti, sadanittant, temmen li l-Ukreni xorta qed jirbħu aktar art b’riżultat ta l-aħħar battalji f’pajjiżhom – u bil-Ġenerali tal-Armata Ukreni jsostnu li s-suldati tagħhom issa infiltraw in-network tad-difiżi  tar-Russi lejn in-nofsinar tal-pajjiż.

Il-Ġeneral Milley ukoll qabel dwar ‘il-progress tal-kampanja militari tal-Ukreni’ waqt li ma jeskludix li jista’ anki fadal sa 45 jiem oħra ta’ ġlied fl-Ukrajna. Hu irrefera għal dan bħala ‘żmien raġjonevoli li kapaċi jagħmel id-differenza kollha għal din il-gwerra anki jekk sallum żgur li għad mhemm xejn deċiż’.