Lokali

Pressjoni fuq l-Eks Segretarju Parlamentari Laburista Stefan Buontempo biex imexxi San Vincenz de Paule

Ta’ Kastilja qegħdin jagħmlu pressjoni kbira biex l-Eks Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo jaċċetta li jieħu t-Tmexxija tar-Residenza għall-Anzjani San Vincenz De Paule. Nifhmu li wara li Josianne Cutajar ix-xahar l-ieħor bagħtet ittra li fiha infurmat li kienet se tirriżenja mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz De Paule, il-Gvern mhux biss laqa’ din ir-riżenja iżda beda kaċċa għal min seta’ jidħol għal dan ir-rwol.

Fost dawk kunsidrati għal dan ir-rwol kien identifikat l-Eks Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo u nifhmu li ta’ Kastilja għadhom qegħdin jagħmlu pressjoni kbira fuqu biex jaċċetta dan ir-rwol.

Mhux magħruf għaliex ta’ Kastilja identifikaw lil Stefan Buontempo għal din il-kariga, aktar u aktar meta hu sigriet magħruf li ta’ Robert Abela qajla kienu jikkunsidrawh tajjeb għal xi ħaġa u l-probabbiltà l-kbira hi li fir-rigward ta’ dan ir-rwol hemm l-istess attitudni li Stefan Buontempo jintuża u finalment jintrema.

Sadattant l-aħbar tat-tluq ta’ Josianne Cutajar ġab miegħu arja friska u ta’ solliev mhux biss fil-Ministeru għall- Anzjanità, imma anki fost il-ħaddiema tal-istess Dar tal-Anzjani li kienu spiċċaw qisha ħabs.

Josianne Cutajar tibqa’ msemmijja għal diversi skandli u abbużi li kienet fiċ-ċentru tagħhom kemm damet Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz De Paul, fosthom għall-famuż avviż imwaħħad man-noticeboard tal-istess Residenza li kien jgħid: “2 beds in Room 8 – reserved for CEO”.

Tul il-perjodu li hi kienet Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paule, regolari kienu l-akkużi fil-konfront tagħha li kienet qegħda tikser il-kodiċi tal-etika tal-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika… fosthom Denis Tanti li sa ftit tas-snin ilu kien jagħti pariri fil-qasam tad-dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz.