Rugby Sport

Tazza tad-Dinja: Bidu tajjeb mill-Italja u l-Ingilterra

(Ritratt: EPA)

Is-Sibt kienet it-tieni ġurnata tat-Tazza tad-Dinja tar-rugby li qed issir fi Franza. wara r-rebħa ta’ Franza fuq l-All Blacks fl-ewwel jum ilbieraħ kien hemm erba’ logħbiet oħra fejn spikkaw ir-rebħiet tal-Italja fuq Namibja, l-Irlanda fuq ir-Rumanija u l-Awstralja li għelbu lil Georgia. Fit-tard imbagħad l-Ingilterra għelbet lill-Arġentina 27-10.

L-Italja minkejja li l-kritiċi Taljani ma tantx kienu entużjasti bil-wirja tal-Azzurri, bdew bl-aħjar mod din it-Tazza tad-Dinja meta għelbu lin-Namibja 52-8. Kif jindika l-iskor l-Ialja kienu għal kollox dominanti anki jekk sal-intervall in-Namibja kien għadhom fil-logħba. Dan hu meqjus bħala grupp diffiċli għall-Italja fejn għad iridu jiltaqgħu kontra l-Urugwaj, Franza u New Zealand.

F’logħba oħra l-Irlanda li huma fost il-favoriti li jirbħu għall-ewwel darba t-Tazza tad-Dinja, bdew b’rebħa rekord ta’ 82-8 kontra r-Rumanija. Ironikament kienu r-Rumeni li fetħu l-iskor f’din il-logħba iżda wara l-Irlandiżi urew il-qawwa tagħhom meta ġabu fix-xejn lill-avversarji fejn b’kollox għamlu tnax-il try.

F’logħba oħra l-Awstralja waqqfu l-mixja negattiva tagħhom ta’ 14-il logħba meta għelbu lil Georgia 35-15. L-Awstraljani iddominaw l-ewwel taqsima fejn bnew vantaġġ ta’ 18-il punt, filwaqt li fit-tieni taqsima il-logħba kienet ferm iktar bilanċjata.

Riżultati

Italja v Namibja 52-8

Irlanda v Rumanija 82-8

Awstralja v Georgia 35-15

Ingilterra 27-10 Arġentina