Jibqa’ jidwi l-eku ta’ dak li seħħ 22 sena ilu; attakk li fih inqatlu mat-3,000 persuna.
Il-11 ta’ Settembru jibqa’ mfakkar bħala l-jum li fih seħħ l-aktar attakk terroristiku mdemmi fl-istorja riċenti. U minkejja li għaddew 22 sena, kull min b’xi mod jew ieħor għex dawk il-mumenti, żgur li għadhom ċari f’moħħu x-xeni tal-ajruplani li baqgħu deħlin fit-twin towers – ix-xeni ta’ nirien, duħħan, nies miksijin bit-trab, nies feruti, u nies jaqbżu mit-twin towers bit-tama li jsalvaw.
Kien permezz ta’ żewġ ajruplani tat-tip Boeing 747 li terroristi mill-grupp Al-Qaeda, ftit qabel id-9am, ħin ta’ New York, ikkawżaw ħsara irreparabli fiż-żewġ skyscrapers tal-World Trade Centre. F’Malta il-ħin kien it-3pm – u kulħadd, baqa’ inkullat mas-settijiet tat-televiżjoni jsegwi dak kollu li kien għaddej f’Manhattan.
Fl-istess ħinijiet, ajruplan ieħor twaqqa’ fuq il-bini tal-Pentagon u ieħor iħħarraf fi triqtu lejn il-kapitali Amerikana, Washington D.C.
It-traġedja fi New York kienet wasslet biex l-Istati Uniti, immexxija mill-President George W. Bush, iddikjarat gwerra kontra t-terroriżmu.
Fost il-vittmi f’dawn l-attakki kien hemm Brian Joseph Cachia – li huwa l-unika persuna ta’ nisel Malti li kien miet fit-twin towers 22 sena ilu. Brian ma kellux ikun xogħol dakinhar, iżda daħal għaliex kien hemm problema fis-sistemà tal-informatika tal-kumpanija fejn kien ilu jaħdem biss għal xahar., biex sfortunatament spiċċa fost il-vittmi.
Illum, minkejja s-snin kollha li għaddew, l-effett ta’ din it-traġedja għadhom jinħassu – u l-11 ta’ Settembru tal- 2001 jibqa’ imfakkar għal 102 minuti li biddlu għal dejjem mhux biss il-belt ta’ New York u l-Istati Uniti …iżda l-kumplament tad-dinja.
//= $special ?>