Lokali

Abela jikkonferma li baqa’ ċass għal sentejn sħaħ biex “ma jtellifx lill-Pulizija”

Waqt intervista li saret il-Ħadd filgħaxija f’Marsaxlokk, il-Mexxej laburista Robert Abela ikkonferma li ilu jaf bis-serq mill-benefiċċji soċjali sentejn sħaħ. Iżda ma għamel xejn biex, skont hu, ma jtellifx lill-Pulizija.

Meta kien affaċċjat b’mistoqsijiet dwar dan l-iskandlu ta’ miljuni ta’ ewro mill-benefiċċji soċjali Robert Abela infexx f’attakk partiġġjan filwaqt li kompla jinsisti li l-customer care ta’ Kastilja m’għandu l-ebda involviment f’dan il-każ – serq illi issa m’għadux biss allegazzjoni imma huwa fatt, konfermat bil-Qorti.

Viżibbilment aġitat, Robert Abela infexx jattakka mhux biss lill-PN iżda anke lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Dan filwaqt li hu stess spiċċa jitkellem dwar ix-xiri tal-voti.

Lill-partitarji tiegħu f’Marsaxlokk, Robert Abela qalilhom li dwar dan il-każ diġa’ intrefgħet responsabbilta sentejn ilu meta irriżenja l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti. Iżda baqa’ ma qalx min se jġorr responsabbiltà issa għall-fatti ġodda u l-provi li qed joħorġu illum; u li jimplikaw direttament lill-uffiċċju tiegħu.

Intant, fl-intervista li saret mill-editur tal-MaltaDaily Keane Cutajar, Robert Abela baqa’ m’offra l-ebda soluzzjoni għall-kriżi tal-iskart. Dan filwaqt li ammetta li l-iskeda tal-ġbir tal-iskart ma’ ħadmitx f’kull lokalità.

U meta mistoqsi dwar it-traffiku Robert Abela qal li l-problema hija l-karozzi bil-pjanċi Y – problema li ġabha b’idejh il-Gvern tiegħu stess.