Lokali

“Abela qed juża’ l-għodod tal-Gvern biex jaħbi l-ħażen tiegħu u ta’ madwaru”

Aktar persuni qed joħorġu fil-beraħ jgħidu kif ġew ingannati mill-Gvern, kemm dak ta’ żmien Joseph Muscat u anke dak ta’ Robert Abela, sabiex jingħataw benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom.

U issa, sentejn wara, il-Gvern għażel li joħloq bord biex suppost jinvestiga dan ir-racket. Għalkemm, għall-għaqda Repubblika, dan il-Bord mhux xejn għajr wieħed ta’ ingann beix iservi għall-qerq u iktar korruzzjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem Kastilja, il-President tal-għaqda, Robert Aquilina spjega kif dan il-bord missu ilu li sar sentejn ilu u mhux rajna biss ħabi ta’ abbuż minn membri tal-Gvern Laburista.

Kien għalhekk li l-għaqda Repubblika appellat biex dawk involuti jerfgħu r-responsabbiltà politika filwaqt li jitressqu l-Qorti l-imħuħ wara dan ir-racket ta’ korruzzjoni. Dan filwaqt li appellaw ukoll biex il-poplu jingħata rendikont sħiħ ta’ dak li ġie misruq u jingħata lura kull sold li ma tħallasx b’mod ġust.

Aquilina fakkar kif matul dan kollu, il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma lissinx kelma waħda u wisq anqas ressaq il-Qorti lil dawk li għamlu possibli dan ir-racket. Dan wara li Abela kkonferma li baqa’ ċass għal sentejn sħaħ biex “ma jtellifx lill-Pulizija”.

Fl-aħħar xhur u snin, b’Malta mmexxija minn gvernijiet Laburisti ta’ amministrazzjonijiet differenti, rajna skandlu wara l-ieħor. B’Repubblika tgħid illi dan l-iktar riċenti seraq il-miljuni ta’ ewro minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.

Ritratti: Martin Agius