Budget 2024 Lokali

Il-Gvern jgħid li l-inflazzjoni se tibqa’ għolja

“Ir-rata tal-inflazzjoni baqalha żmien twil biex tiġi kkontrolata u terġa lura għall-istat regolari tagħha ta’ 2% kif konna mdorrijijn biha fil-passat.”

Stqarrija li waslet mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana meta indirizza lill-imsieħba soċjali, fejn insista li l-inflazzjoni ser tibqa’ tgħolli rasha fis-snin li ġejjin.

Quddiem il-membri tal-MCESD, Clyde Caruana qal li r-rata tal-inflazzjoni hija r-raġuni ewlenija għaliex ir-rati tal-imgħax internazzjonali huma mistennija li jibqgħu għoljin u għalhekk it-tkabbir ekonomiku madwar l-Unjoni Ewropea huwa mistenni li jkun relattivament żgħir.

F’Lulju, ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta kienet ta’ 5.6 fil-mija meta mqabbla mas-sena l-oħra. U skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-ogħla rati ta’ inflazzjoni annwali f’Lulju kienu rreġistrati fuq l-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku u  l-akkomodazzjoni.

Malta ilha xhur tesperjenza żieda fil-prezzijiet; partikolarment il-prezzijiet tal-ikel – żieda illi wasslet biex ix-xirja bażika minn supermarket għoliet sew meta kumparat ma’ sena ilu.

Intant, il-Ministru tal-Finanzi indika wkoll illi jinsab inkwetat ferm li l-Gvern se jdaħħal lill-pajjiżna f’excessive deficit procedure. Dan jiġri meta pajjiż li hu stat membru tal-Unjoni Ewropea ikollu żbilanċ illi jaqbeż it-3 fil-mija.

Iżda għalkemm l-Ministru tal-Finanzi jinsab konxju li dan il-Gvern se jdaħħal lil Malta fil-problemi, xorta waħda qed iwiegħed li se jagmel budget tajjeb. Dan minkejja li fi ftit xhur  … Malta ikollha tirregola ruħha skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea hekk kif tispiċċa taħt excessive deficit procedure. Fid-diskors tiegħu, Clyde Caruana kkonferma ukoll li Malta kellha defiċit ta’ madwar 5.6% għas-sena li għaddiet. Dan filwaqt li l-budget tas-sena d-dieħla se jaqbeż il-limitu ta’ 3%.