Is-sitwazzjoni għal mijiet kbar ta’ Marokkini li salvaw b’miraklu mit-terremot qattiel tas-Sibt qed issir dejjem aktar akuta — u meta l-ħajja ta’ numru sinifikanti ta’ midruba u nies oħra li spiċċaw taħt it-terrapien issa qed tibbaża fuq ġlieda disprata mal-ħin.
Fl-istess waqt, in-nuqqas tal-ikel u affarijiet bażiċi oħra jirrendu ċ-ċirkustanzi dejjem aktar diffiċli u kumplikati għall-familji li tilfu djarhom u kulma kellhom fit-theżżiża qattiela u li bħalissa huma kostretti li jorqdu barra fit-toroq.
Sadanittant, il-Ministeru Marokkin għall-Intern qal li l-vittmi tat-terremot kienu qed javviċinaw it-3,000. Dan meta mhux eskluż li l-ammont tal-mejtin ikun ħafna ogħla matul il-jiem li jmiss u ladarba joħorġu ċ-ċifri finali u uffiċjali relatati mat-traġedja.
Ma dawn iridu jkunu kalkulati l-mijiet tal-midruba – uħud minnhom kritiċi – bil-ħaddiema fl-isptarijiet qegħdin jaħdmu b’urġenza u kontinwament biex isalvaw lill-irġiel, nisa u tfal li qed jiddaħħlu kull siegħa f’dawn il-kumplessi.
Id-disprament u l-urġenza tas-sitwazzjoni huma evidenti mill-fatt li l-membri tal-iskwadri għall-emerġenza litteralment qed jużaw idejhom biex iħaffru għan-nies li baqgħu mirdumin taħt il-bini li ċedew għal fuqhom. Iċ-ċirkustanzi huma l-aktar ikkumplikati fil-villaġġi qalb il-muntanji li nqerdu kompletament fit-terremot kbir.
Fil-fatt, il-makkinarju speċjalizzat għal dawn l-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, ma setax jitwassal lejn l-aktar siti li ġarrbu l-qilla tat-terremot u li jinsabu qalb iz-zoni remoti tal-Muntanji ta’ Atlas, fejn kien irreġistrat l-epiċentru ewlieni tat-theżżiża tas-Sibt.
Dan meta ħafna mit-toroq u rotot qalb il-muntanji huma inaċċessibbli, f’parti minħabba l-valangi tal-art kaġunati mit-terremot.
Filwaqt li ma waqfux l-offerti tal-għajnuna minn madwar id-dinja, il-Gvern Marokkin qal li – sal-aħħar sigħat – kien aċċetta l-għajnuna mingħand erba’ pajjiżi li huma r-Renju Unit, Spanja, Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda.
//= $special ?>