Internazzjonali

Ir-Russja: Kollox imħejji għaż-żjara ta’ Kim Jong Un fost l-inkwiet tal-Punent

Skont l-aħħar indikazzjonijiet mill-Korea ta’ Fuq, il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong Un qed jivvjaġġa lejn ir-Russja għal summit ‘sinifikanti’ mal-President tar-Russja Vladimir Putin.

Ingħad li Kim irid jasal fi Vladivostok permezz ta’ ferrovija armata f’ ripetizzjoni tal-vjaġġ li hu kien għamel fl-2019 f’dak il-pajjiż.

Is-sinjali huma li l-ferrovija speċjali li Kim Jong Un qed juża għall-vjaġġi barra l-Korea ta’ Fuq kienet telqet minn Pyongyang – bis-sorsi jindikaw li l-laqgħa tiegħu ma’ Putin kapaċi ssir dalgħodu stess.

Dan ukoll wara li l-Kremlin ta’ Moska kkonferma, jiem ilu, li l-Mexxej komunista kien se jżur ir-Russja ‘minn ħin għall-ieħor’, bil-pajjiżi tal-Punent mal-ewwel juru tħassib għal dan l-iżvilupp.

X’aktarx li Kim Jong Un u Vladimir Putin se jiddiskutu l-possibbiltà li l-Korea ta’ Fuq tipprovdi l-armamenti lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra tal-Kremlin fl-artijiet tal-Ukrajna. Intant, mhux eskluż li ż-żewġ mexxejja jiddiskutu forom oħra ta’ kooperazzjoni militari b’impatt għall-konflitt ta’ Putin mal-Ukreni.

Fl-istess ħin, iż-żjara ta’ Kim issemmiet bħala l-ewwel waħda ‘internazzjonali’ f’aktar minn erba’ snin, minbarra li l-ewwel żjara tiegħu mill-pandemija tal-Covid ‘il hawn.