Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ħeġġeġ lil kull persuna li xebgħat mill-korruzzjoni u l-frodi f’pajjiżna minn Gvern ta’ Robert Abela, għandha tattendi l-protesta li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament u li se tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Viċi Kap, Alex Perici Calascione.
Il-protesta se tkun qed tibda fis-6:30pm fid-daħla tal-Belt Valletta.
Permezz ta’ din il-protest in-nies qed ikunu mħeġġa biex jingħaqdu mal-għajta tal-Partit Nazzjonalsita kontra r-racket ta’ frodi u s-serq mill-benefiċċji soċjali.
Fuq NET FM, Bernard Grech qal li Robert Abela kien komdu jilgħab bir-regoli biex jixtri l-voti tan-nies, u dan għamlu permezz tad-diżabbiltà tan-nies. Huwa qal li din mhi xejn ħlief logħba maħmuġa.
Il-Kap tal-PN kompla jgħid li kull individwu postu l-Belt mal-Partit Nazzjonalista biex il-klikka korrotta tispiċċa darba għal dejjem. Dan hekk kif, fi kliem Bernard Grech, il-Pulizija investigat biss lil dawk li ħadu l-flus meta ma kellhomx imorru għandhom iżda qatt ma investiga lil Robert Abela u lil sħabu li ħadu ferm iktar minn dawn in-nies.
Bernard Grech fakkar kif Robert Abela m’għamilx xogħolu meta sar jaf b’dan ir-racket, fil-fatt, ma ħa l-ebda azzjoni dwar dan. Huwa qal li Abela, kulma għamel kien li waħħal f’ħaddieħor. Kien hawnhekk fejn qal li Robert Abela se jkun imġiegħel biex iwieġeb għan-nuqqasijiet t’azzjonijiet tiegħu permezz ta’ din il-protesta.
Fl-aħħar jiem, il-Gvern ma aċċettax it-talba li saret mill-Partit Nazzjonalista sabiex ikun diskuss b’mod immedjat dan il-frodi, għaliex Robert Abela ma riedx li l-Parlament jiftaħ b’urġenza. Dan filwaqt li komplew johorgu aktar provi li jorbtu dan is-serq ma’ xibka sħiħa ko-ordinata minn Kastilja.
Net TV se jkun qed ixandar din il-protesta b’mod dirett, b’kollegamenti diretti mal-ġurnalisti ta’ Net News dwar dak li jkun qed iseħħ.