Wara li faqqa’ l-iskandlu tas-serq mill-benefiċċji soċjali – flus li kienu intenzjonat għal min hu l-aktar dgħajjef fis-soċjetà tagħna – kemm il-PM Robert Abela kif ukoll il-Ministri tiegħu baqgħu ma qalux min se jġorr responsabbiltà għall-fatti ġodda li qed joħorġu b’rabta ma’ dan il-każ; skandlu li jimplika direttament lil nies minn Kastilja.
It-Tnejn warnofsinhar Net News staqsa direttament lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dwar dan, iżda bħal sħabu, Caruana ħarab milli jwieġeb. Dan meta huwa propju hu l-Ministru responsabbli mill-mod kif jintefqu l-flus li kull ħaddiem iħassal f’taxxi.
Provi ġodda li ħarġu fl-aħħar jiem juru r-racket ta’ serq u frodi mill-benefiċċji soċjali m’huwiex biss skandlu għaliex nies li ma ħaqqhomx spiċċaw ħatfu eluf minn ħalq dawk li ħaqqhom, iżda huwa każ ferm akbar minn hekk. Dan għaliex allegatement nies minn Kastilja stess huma il-moħħ wara dan is-serq.
Apparti dan, il-Prim Ministru Robert Abela innifsu ikkonferma li kien ilu jaf li kien hemm firem foloz, ċertifikati foloz u dikjarazzjonijiet foloz li baqgħu għaddejin għal sentejn sħaħ. Iżda l-Mexxej laburista żamm kollox mistur.
Dan is-serq ġie kkundannat ukoll minn diversi unions fosthom l-UHM, il-General Workers Union, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti u l-Kamra tal-Kummerċ, fejn f’kummenti li taw lil dan l-istazzjon ikkonfermaw li hemm diversi nies involuti f’din ir-racket u jistennew li kull min hu involut għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu.
//= $special ?>