Futbol Sport

Marcolini bit-tama li l-iskwadra tkompli fejn ħalliet kontra Ġibiltà

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Hekk kif it-Tlieta filgħaxija t-tim nazzjonali Malti jilqa’ f’Ta’ Qali lil dak tal-Maċedonja ta’ Fuq, lejliet il-partita minn Grupp C, il-kowċ Michele Marcolini u d-difensur ta’ SC Farence fil-Portugall, Zach Muscat ipparteċipaw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-Technical Hall Centre f’Ta’ Qali.

Marcolini beda billi qal li jirrikonoxxi l-aqwwa tal-avversarji fil-Grupp li tinsab fiħ Malta, iżda saħaq li l-logħob internazzjonali kultant iwassal għal sorpriżi mhux mistennija.

Marcolini qal li l-avversarji ta’ Malta kellhom mumenti ta’ diffikultà, speċjalment wara t-telfa ta’ 7-0 kontra l-Ingilterra, iżda kontra l-Italja urew titjieb konsiderevoli u kisbu draw meritat.

Huwa kompla jgħid li minkejja l-qawwa tat-timijiet li lagħbu magħhom fil-grupp, minbarra l-partita kontra l-Ingilterra, il-Maltin dejjem provaw joħolqu l-problemi lill-avversarji u faħħar lit-tim wara li fil-partita ta’ ħbiberija kontra Ġibiltà ħoloq numru ta’ ċansijiet u kellu l-maġġor parti tal-pusses tul il-konfront kollu.

Il-kowċ Taljan qal ukoll li l-partita kontra Ġibiltà serviet tajjeb fir-rigward ta’ preparazzjoni għal dan il-konfront kontra l-Maċedonja ta’ Fuq wara li sfortunatament qabel il-bidu ta’ din l-avventura t-tim ma’ kellux l-opportunità li jilgħab f’partiti ta’ ħbiberija oħra.

Zach Muscat minn naħa tiegħu qal li l-atmosfera bejn il-plejers tat-tim nazzjonali hija waħda tajba u minkejja li hemm plejers li bħalu jilagħbu barra l-pajjiż, iżommu kuntatt kontinwu bil-mezzi kollha possibli, u dik tgħin biex din l-atmosfera tibqa’ waħda pożittiva.

Muscat semma wkoll l-limportanza li fil-pitch il-plejers jibqgħu magħqudin u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-kowċ sabiex jonqos id-distakk fil-kwalità bejn iż-żewġ timijiet.

Ritratt: Domenic Aquilina