Kumment wara l-ieħor, kollha jirredikola l-kitba ta’ artiklu li ġie ppublikat il-bierah mill-midja Laburista dwar il-frodi fir-racket tal-benefiċċju soċjali. Frodi li sar minn gvernijiet Laburista fl-aħħar snin.
Dan l-artiklu ġie ppublikat wara li ħarġet stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn tgħid li “meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, lura sentejn ilu, dan ġie riferut mill-ewwel lill-Korp tal-Pulizija.”
Dan ħoloq rabja kbira fost dawk li bdew jaqraw dan l-artiklu fuq il-midja soċjali hekk kif kulħadd jista’ jara li kull persuna b’awtorità, jekk ma ħaditx azzjoni, tal-anqas tkelmet dwar dan ir-racket, iżda l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa għadu ma lissinx kelma waħda. Dan apparti l-fatt li l-imħuħ wara dan il-frodi għadhom jiġru barra mingħajr qatt ma ġew mitkellma mill-Pulizija, aħseb u ara kemm tressqu quddiem il-ġustizzja.
Kumment minnhom taħt il-post li ġie xxerjata tal-artiklu fuq one.com.mt jgħid li “l-atturi ta’ Hollywood huwa amateurs ħdejn il-politikanti Maltin għar-reċtar.”
B’persuna oħra tgħid, b’referenza għall-Gvern ta’ Robert Abela u anke għall-Gvern ta’ Joseph Muscat, biex “iċemplu lil ta’ Guinness Book of Record għax kisru kull rekord għall-iskandli.”
Issa jidher biċ-ċar li wara snin ta’ ħabi u gideb minn Gvern Laburista, in-nies qed jgħarrfu x’inhi l-verità, b’kumment wara l-ieħor jgħid li jekk “tgħasarhom [il-Gvern Laburista] korruzzjoni biss toħroġ” hekk kif “il-poplu għandu moħħ biex jaħseb”, jgħid kumment ieħor.
Iżda minkejja li l-poplu Malti qed jirrealizza l-verità kollha dwar l-iskandli tal-Gvern Laburista, li wara kollox qed iwasslu għas-serq ta’ miljuni ta’ ewro minn ħalq kull Malti u Għawdxi, kumment ieħor jistaqsi jekk l-awtoritajiet ħadux passi “kontra l-impjegati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministri” nvoluti. Fil-fatt, persuna oħra tfakkar kif “dawk li ħadu l-benefiċċji soċjali bla ma kellhom dritt għamel ħażin, iżda min organizza u ffalsifika l-firem għamel ħafna agħar.”
Infatti, kumment ieħor ifakkar kif “l-ewwel li l-awtoritajiet iridu jagħmlu hu li jxommu taħt idejhom għax il-mafja hi min jilbes il-ġlekk u l-ingravata u mhux in-nies tat-triq.”
Mat-80 kumment kollha jappellaw biex il-midja Laburista tieqaf tkun konfoffa mal-Gvern Laburista li qed jipprova jaħbi l-korruzzjoni u l-frodi li wettqu membri fi ħdan il-Gvern Laburista stess.