“Reġa’ wasal iż-żmien li nagħmlu ġlieda għad-demokrazija”
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fi protesta organizzata mill-PN kontra s-serq li kien hemm ta’ miljuni ta’ ewro f’benefiċċji soċjali.
Skandlu li ħakem lill-Kastilja, u li ħoloq żmien surreali għall-pajjiżna. Hekk kif Bernard Grech stqarr li l-Prim Ministru lest li jbiddel il-liġi biex jaqdi lil ta’ madwaru, anke jekk dan ifisser li jisraq lill-vulnerabbli biex jibqa’ fil-poter.
Madanakollu, il-Kap tal-PN kompla jgħid kif din il-kriżi hi waħda li taffetwa lill-poplu kollu, u huwa għalhekk li folla ta’ nies nġabret f’vuċi waħda quddiem il-Parlament.
Hu tenna, li l-klikka ta’ kriminalità organizzata f’Kastilja, immexxija minn Robert Abela, ikkontrollat l-elezzjoni b’corrupt practice waqt elezzjoni li suppost hi ħielsa, u huwa għalhekk li d-demokrazija Maltija hi mhedda.
Dan filwaqt li enfasizza li Abela inganna liż-żgħir, hekk kif sa issa, il-persuni li ħadu l-benefiċċji soċjali qed jitressqu l-Qorti, iżda l-persuni responsabbli għat-tqassim tal-flus, għall-firem ffalsifikati fuq ċertifikati mediċi frawdolenti u l-moħħ wara dan l-iskandlu, għadhom ma refawx ir-responsabbiltà politika.
Bernard Grech tenna li l-PN se jibqa’ jaħdem għall-ġustizzja, filwaqt li jħaddem politika li tagħti ħajja ta’ kwalità lill-poplu.
Bernard Grech fakkar kif Robert Abela m’għamilx xogħolu meta sar jaf b’dan ir-racket, fil-fatt, ma ħa l-ebda azzjoni dwar dan. Huwa qal li Abela, kulma għamel kien li waħħal f’ħaddieħor. Kien hawnhekk fejn qal li Robert Abela se jkun imġiegħel biex iwieġeb għan-nuqqasijiet t’azzjonijiet tiegħu permezz ta’ din il-protesta.
Fl-aħħar jiem, il-Gvern ma aċċettax it-talba li saret mill-Partit Nazzjonalista sabiex ikun diskuss b’mod immedjat dan il-frodi, għaliex Robert Abela ma riedx li l-Parlament jiftaħ b’urġenza. Dan filwaqt li komplew johorgu aktar provi li jorbtu dan is-serq ma’ xibka sħiħa ko-ordinata minn Kastilja.
Dan ma kienx l-uniku skandlu li affaċja l-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat, hekk kif il-Kap tal-PN fakkar kif pajjiżna esperjenza l-kriżi tal-qtugħ tal-provvistà tad-dawl, il-vot kontra l-inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, u l-kriżi tal-iskart li ħakmet lill-pajjiżna.



