F’Osijek fil-Kroazja, Kampjonati tal-Ewropa tal-isparar. Fl-iskeet riżultat mill-aqwa minn Marlon Attard li rebaħ il-midalja tal-fidda.
Kienet wirja impressjonanti minn Attard li fost 35 tiratur fl-ewwel serje laqat 74 minn 75 plattina b’serje ta’ 25, 25 u 24. Fit-tieni serje Attard laqat 49 minn 50 plattina b’serje ta’ 25 u 24 sabiex b’total ta’ 123 plattina għadda għall-finali.
Fil-finali Marlon Attard laqat 54 plattina biex temm fit-tieni post fil-klassifika qabel Tammaro Cassandro tal-Italja li laqat 45 plattina.
Il-midalja tad-deheb intrebħet minn Charalambos Chalkiadakis tal-Greċja, li mhux biss laqat is-serje kollha ta’ 60 plattina iżda wkoll kiseb il-kwalifika għall-Olimpijadi ta’ Parigi 2024.
Dan is-suċċess ta’ Marlon Attard huwa meqjus bħala l-aqwa riżultat qatt miksub minn tiratur Malti fl-iskeet u bla dubju l-aqwa riżultat fuq livell internazzjonali ta’ dan il-livell din is-sena.
Sparar: Marlon Attard jirbaħ il-fidda fil-Kampjonati tal-Ewropa fil-Kroazja
