Budget 2024 Lokali

Studju juri li ħafna familji mhux ilaħħqu mal-ħajja

Studju li ħareġ fl-aħħar xhur juri li persentaġġ kbir ta’ households Maltin mhux qed jgħixu ħajja adegwata tant li, iridu jew ma jridux, qed ikollhom inaqqsu affarijiet meqjusa bħala mhux essenzjali

Fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, il-General Workers’ Union ressqet l-istudju “A Proposal Towards the Definition and Estimates of the National Living Income in Malta” li għamlet flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti. Studju xjentifiku dettaljat dwar id-definizzjoni ta’ dħul diċenti u kemm għandha bżonn flus ‘household’ Maltija biex tgħix ħajja adegwata.

Dan l-istudju juri li familja ta’ żewġ ġenituri u żewġt itfal jeħtieġu mill-inqas €25,300 għal ħajja ta’ standard medja filwaqt li persuna li tgħix weħidha u li għandha taħt il-65 sena jeħtieġu mill-inqas €12,226. Dan meta 30.4% ta’ din l-aħħar kategorija ma jaqilhawx dan l-ammont ta’ flus.

Hu importanti li wieħed jinnota li dan l-istudju ġie ppublikat is-sena l-oħra, u għalhekk, dawn iċ-ċifri, wisq probabbli li żdiedu matul din is-sena.

Jiġifieri, is-sena l-oħra, familja tipika ta’ żewġ ġenituri b’żewġt itfal jeħtieġu €25,000 inkluż l-affarijiet bażiċi, l-użu ta’ karozza personali, il-ħruġ f’ristoranti u l-kirja jew il-ħlas tad-dejn mal-bank tal-propjetà. Li jfisser li ż-żewġ ġenituri jridu jagħmlu mill-inqas €12,500 kull wieħed… b’40% m’għandhomx paga li tlaħħaq dan l-ammont meħtieġ.

Iżda, l-agħar kategorija huma dawk il-ġenturi li huma single parent, hekk kif 76% ma jaqilhawx l-ammont meħtieġ biex jgħajxu l-familja bl-aħjar mod, filwaqt li 72% tal-anzjani li jgħixu waħidhom u kważi 70% ta’ koppji anzjani, lanqas ma għandhom biżżejjed dħul għal xiri ta’ prodotti bażiċi u oħrajn mhux essenzjali.

Dan l-istudju sar biex fl-aħħar mill-aħħar juri d-dħul meħtieġ għal kull familja mhux biss biex ma jispiċċawx fil-faqar iżda biex lanqas ma tittiħdilna l-libertà biex ikollna l-affarijiet li mhumiex daqstant essenzjali iżda li qabel kien ikollna.

Sfortunatament, dan l-istudju juri li persentaġġ imdaqqas tal-Maltin u l-Għawdxin lanqas biss qed ilaħħqu mal-affarijiet essenzjali, bħax-xiri tal-ikel u l-mediċini, aħseb u ara kemm jaffordjaw prodotti mhux essenzjali, bħal appuntament tax-xagħar, lezzjonijiet tal-privat tat-tfal, u x-xiri ta’ ikel għall-annimali domestiċi.