Lokali

Beppe Fenech Adami jikkonfronta lill-Mibgħut Speċjali Ażeri dwar l-Electrogas u s-SOCAR; il-Mibgħut Speċjali ma jikkummentax

Id-deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Barranija Beppe Fenech Adami kkonfronta lill-Mibgħut Speċjali tal-Ażerbaġjan għal Malta Elchin Amarbayov dwar l-involviment tal-Gvern Ażeri fil-power station tal-Eletrogas u r-rapporti ta’ korruzzjoni f’dawn il-kuntratti u dwar is-SOCAR; bil-Mibgħut Speċjali Ażeri ma jikkummentax u u jaħrab minn dawn il-mistoqsijiet.

Beppe Fenech Adami ikkonfronta lill-Mibgħut Speċjali Ażeri f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarjiet Barranin li fiha kien mistieden il-Mibgħut Speċjali Ażeri għal Malta Elchin Amarbayov. Min-naħa tiegħu l-Mibgħut Speċjali Ażeri kien interessat jitkellem l-aktar fuq il-kwistjoni tar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh u l-problemi kaġuni mit-tensjoni bejn pajjiżu u l-Armenja.

Elchin Amarbayov qal li l-iskop taż-żjara tiegħu f’Malta hu li jwassal messaġġ pożittiv mill-President Ażeri u sostna li l-Gvern tal-Ażerbajġan lest li jkabbar ir-relazzjonijiet ma’ Malta fid-diversi setturi fejn din diġà teżisti fosthom fl-enerġija.

Hu qal li l-Ażerbajġan għandu relazzjonijiet tajbin mal-UE partikolarment riċentament il-ftehim dwar il-gass naturali mill-Ażerbajġan lejn l-UE.

Fl-intervent tiegħu Beppe Fenech Adami qal li waħda mill-kwistjonijiet kontroversjali bl-involviment Ażeri f’Malta kien l-investiment fl-Electrogas fejn l-azzjonisti huma s-SOCAR tal-Ażerbajġan.

Dan il-proġett kontroversjali li  investigat mill-Awditur Ġenerali li stabilixxa nuqqasijiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li spjega kif dan il-kuntratt tal-Electrogas kien mimli korruzzjoni u kien ta’ tħassib kbir kemm għall-Awditur Ġenerali li nvestigah kif ukoll għall-poplu Malti.

Beppe Fenech Adami spjega kif numru ta’ ministri u ex ministri Laburisti tressqu quddiem il-PAC fejn il-ministru responsabbli mill-power station irrifjuta li jwieġeb numru ta’ mistoqsijiet biex ma jinkriminax lilu nnifsu.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami semma’ wkoll il-qtil tal-ġurnalista Daphne Carana Galizia li investigat din l-istorja  u li nqatlet bla ma għad saret ġustizzja dwar il-mewt tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-sitwazzjoni politika interna fl-Ażerbajġan fejn hemm problemi biex il-partiti politiżi jwettqu l-ħidma politika tagħhom. Hu semma’ r-restrizzjonijiet li l-partiti qed jiffaċċjaw minħabba liġi li daħħal il-gvern; liema liġi tista’ twassal biex numru ta’ partiti politiċi ma jibqgħux joperaw.

Beppe Fenech Adami semma’ l-Europ Pride u qal li fl-Ażerbajġan hemm problemi dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. Hu staqsa lil Elchin Amarbayov biex jikkummenta dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżu f’dan ir-rigward.

Il-Mibgħut Speċjali Ażeri Elchin Amarbayov wieġeb li l-Ażerbjaġjan hu miftuħ għal kull diskussjoni u sostna li m’għandux kummenti x’jagħmel dar il-kwistjnijet inetrni relatati mal-gass għax dak li jaf hu li SOCAR kienet involuta b’mod qawwi biex tkun assigurata s-sigurtà tal-enerġija f’Malta.

Hu qal li jaf ukoll li b’riżultat tal-ftehim bejn Malta u l-Ażerbajġan, il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta tnaqqsu. Jiddispjċini għal kull inċident traġiku li seħħ iżda m’għandix kummenti x’nagħmel dwar dan, sostna Amarbayov, li kompla l-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni fil-power station tal-Electrogas jibqgħu allegazzjonijiet sakemm ma jkunx hemm xi provi.

Dwar id-demokrazija fl-Ażerbaġjan, hu qal li l-liġi dwar il-partiti plitiċi fl-Ażerbajġan kienet diskussa ma’ diversi forzi politiċi fl-pajjiż u “nemmnu li din hi liġi mtejba fuq dak li diġà kien hemm”.

Hu appella lill-pajjiżi ħbieb tal-Ażerbajġan biex jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-parlament Ażeri. Id-demokrazija hi dejjem proċess, sostna Amarbayov, li kompla li l-liġijiet fl-Ażerbajġan qed jgħaddu kollha mill-iskrutinju tal-Kummisjoni Venezja.

Dwar il-Pride Week, hu qal li ma jridx jikkummenta dwar jekk l-Ażerbajġan hux lura f’dawn id-drittijiet għalkemm l-Ażerbajġan għandu modi tiegħu kif jitratta dawn il-kwistjonijiet.