Lokali

Għada jsir id-diskors ‘State of the Union’ fi Strasburgu

Fuq l-aġenda l-enerġija rinnovabbli, il-gwerra fl-Ukrajna u ekonomija aktar qrib in-nies

L-Erbgħa, 13 ta’ Settembru, mistenni jilħaq il-qofol tiegħu l-Istate of the Union fi Strasburgu f’dibattitu fil-plenarja – l-aħħar SOTEU f’din il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea qabel l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Ippresedut mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Dan filwaqt li l-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu qed jirreaġixxu għad-diskorsi tagħhom.

Fost is-suġġetti li mistennija jiġu diskussi b’mod partikolari nsibu r-risposta tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, it-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni għal din l-isfida, miżuri fil-konfront taż-żieda tal-għoli tal-ħajja, l-immigrazzjoni u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

B’rabta ma’ dan se jkun qed jiġu diskussi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni fl-isport wara l-każ li seħħ fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa. Il-Membri Parlamentari Ewropej mistenni jagħmlu sensiela ta’ domandi lill-Kummissjoni dwar x’soluzzjoni qed toffri bil-għan li tegħleb tali aġir fl-isport.

Intant it-Tlieta filgħodu f’indirizz qasir lill-ġurnalisti, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola spjegat li l-atmosfera politika preżenti fi ħdan il-Parlament Ewropew hija pożittiva. Dan filwaqt li insistiet li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea se tkun qed tibqa’ soda u b’saħħitha favur l-Ukrajna.

Hija insistiet li l-għan tas-sensiela ta’ laqgħat u dibattiti f’dawn il-jiem huwa favur ekonomija li tissalvagwardja l-impjiegi taċ-ċittadini filwaqt li stqarret li fix-xhur u snin li ġejjin l-immigrazzjoni se tibqa’ tkun sfida għall-Unjoni, sfida li se tkun qed taffaċċja b’kuraġġ, soluzzjoni u azzjoni.

B’rabta mal-immigrazzjoni llegali partikolarment mil-Libja, Roberta Metsola insistiet li l-unika soluzzjoni li qed tara li l-unika soluzzjoni hija li l-applikazzjoni għall-ażil issir minn barra l-Unjoni Ewropea.

Intant, hija insistiet dwar il-bżonn ta’ neċessità politika li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull stat membru tal-Unjoni Ewropea għaliex mhux bilfors li jgħodd għall-maġġoranza jgħodd għal bqija tal-pajjiżi oħrajn.

Għaldaqstant hija appellat li l-Unjoni għandha taddatta – u taħdem sabiex tirriforma.