“Id-diskors li qed jingħad fil-kurituri fi Brussell hu li l-attwali President tal-Kummissjoni Ewropeja tista’ tinħatar bħala Segretarju Ġenerali tan-NATO.”
Sostniet dan il-Viċi President tal-Parlament Ewropew il-Finlandiża Heidi Hautala, mill-Partit tal-Ħodor, meta t-Tlieta filgħodu kienet qed tindirizza konferenza stampa fi Strasburgu.
Hija insistiet li fil-bidu tal-ħatra ta’ von der Leyen kellha xettiċiżmu kbir madanakollu issa tista’ tasal għal konklużjoni li hija għamlet biċċa xogħol tajba.

Mistoqsija jekk hux se tkun qed tagħtiha s-sapport kollu sabiex tibqa’ għal terminu ieħor f’din il-pożizzjoni, Hautala saħqet li m’għandha l-ebda problema sabiex tagħmel dan jekk Ursula von der Leyen tixtieq li tkompli.
Madanakollu preċiżat tgħid li mhux eskluż li l-President tal-Kummissjoni titħajjar u sussegwentament tinħatar bħala Segretarju Ġenerali tan-NATO.
L-ewwel ma kienet żvelat tali għajdut kienet il-gazzetta Brittanika The Sun lura f’Marzu, fejn ikkwotat sorsi diplomatiċi.
Dan il-fatt jidher li għadu reali ħafna, tant li Viċi President tal-Parlament Ewropew mhux qed teskludi tali fatt.
Preżentament hemm Jens Stoltenberg f’din il-kariga, kariga li għandu fiha sa Ottubru ta’ din is-sena.
