Internazzjonali

Iċ-Ċina: Theddida mill-kukkudrilli b’kaġun tal-għargħar

Ħafna residenti fin-Nofsinar taċ-Ċina spiċċaw fuq stat ta’ allert wara li għexieren ta’ kukkudrilli ħarbu minn razzett b’kaġun tal-għargħar dovut għal tifun bl-isem ta’ Haikui.

Ir-razzett spiċċa mifqugħ mill-gliegel tal-ilma wara li faret xmara f’Maoming, fil-provinċja ta’ Guangdong, u filwaqt li wħud mill-kukkudrilli nqabdu, l-awtoritajiet lokali kellhom jisparaw għal oħrajn minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. 

Kien hemm ukoll każi fejn xi kukkudrilli ngħataw ix-xokkijiet tal-elettriku wara li dehru viċin ta’ xi komunitajiet iżda xorta qed tkompli t-tfittxija għal għexieren oħra ta’ dawn l-annimali – bir-residenti f’diversi villaġġi jkunu avżati biex ma joħorġux minn djarhom.

It-Tifun Haikui ilu javvanza min-Nofsinar tal-Asja għal aktar minn ġimgħa fost l-impatt għaċ-Ċina, Hong Kong, it-Tajwan u l-Ġappun.