Knisja Lokali

Il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq f’Fatima u Lisbona

Fil-jiem li ġejjin, il-Banda Queen Victoria A.D. 1865 taż-Żurrieq ser tkun qiegħda tikteb paġna oħra tad-deheb fl-istorja twila tagħha waqt li tagħmel unur lil pajjiżna fil-Portugall. 

L-ewwel banda Żurrriqija ġiet mistiedna għar-raba’ darba barra minn xtutna fejn ser tkun qiegħda tagħti żewġ servizzi uniċi. L-ewwel servizz ser ikun nhar l-Erbgħa 13 ta’ Settembru, propju fil-jum li fih titfakkar il-Ħames Dehra tal-Madonna. Dakinhar, il-banda ser tkun qiegħda tanima quddiesa sollenni propju fil-post fejn dehret il-Madonna.  

Apparti s-sehem tal-Banda Queen Victoria, il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq A.D. 1801, ser tkun qiegħda tieħu sehem b’mod mill-aktar attiv permezz tal-fratelli tagħha, li se jkunu parti mill-kontiġent, waqt il-pellegrinaġġ bix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima, fost eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja. Il-membri tal-kumitat flimkien mal-fratelli ser ikollhom ukoll l-opportunità jilbsu l-ilbies proċessjonali u jerfgħu l-istess xbieha waqt dan il-pellegrinaġġ.

Il-Banda Queen Victoria se tkun qed tagħmel it-tieni servizz tagħha nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru, din id-darba f’Lisbona. Din id-darba se tkun qed tesegwixxi programm vokali u strumentali fil-pjazza prinċipali tal-istess belt, Praça Do Commércio, quddiem diversi mistiedna distinti fosthom il-korp diplomatiku residenti kif ukoll il-membri tal-Muniċipalità ta’ Lisbona.

It-tmexxija tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria tinsab ħerqana ħafna għal din l-esperjenza. Fl-istess ħin tinsab onorata li ntgħażlet għal din l-opportunità. Il-kontingent Malti se jkun magħmul minn 162 persuna li fosthom hemm 40 bandist. Il-Banda ser tkun akkumpanjata wkoll mill-Baritonu Alfred Camilleri flimkien mas-Sopran Tamara Attard taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mauro Farrugia.