“Dan huwa serq mill-but tal-poplu. Jeħtieġ li ssir ġustizzja u tintrefa’ responsabbiltà politika.”
Dan sostnewh in-nies illi t-Tnejn filgħaxija kienu preżenti għall-protesta li ġiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista – protesta illi saret wara li l-Ħadd il-Gvern ma laqax it-talba tal-Partit Nazzjonalista sabiex b’mod immedjat fil-Parlament jiġi diskuss ir-racket ta’ serq mill-benefiċċji soċjali li jlaħħaq il-miljuni ta’ ewro.
Waqt din il-protesta, ħafna min-nies li tkellmu magħna sostnew li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern li qed jaffaċja kriżi wara l-oħra; filwaqt li ddeskrivew dan is-serq bħala wieħed mill-aktar każijiet serji li rajna fl-aħħar snin.
Apparti minn hekk, in-nies saħqu li mhux sew li qed jeħel iż-żgħir biss f’dan kollu – iżda jeħtieġ li tintrefa responsabbilta politika minn dawk kollha involuti.
Waqt id-diskors li wassal f’din il-protesta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li bħalissa qed ngħixu fi żminijiet surreali … għaliex Robert Abela lest li jisraq lill-vurneabbli sabiex jibqa’ fil-poter.
Bernard Grech insista illi issa reġa’ wasal iż-żmien li tibda l-ġlieda għad-demokrazija, għaliex kull ġurnata li tgħaddi qed niskopru skandlu ġdid mill-Gvern ta’ Robert Abela.
Dawk preżenti kienu indirizzati wkoll mill-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calascione.
//= $special ?>