Lokali

Jitnieda l-programm ta’ attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Dalgħou l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) nieda l-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll il-filmat promozzjonali ta’ dan l-avveniment nazzjonali. It-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt indirizzata fost l-oħrajn mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.

Il-programm tal-attivitajiet fih madwar 100 attività maqsumin fuq ħamest ijiem, bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru. L-attivitajiet bla ħlas, u se jsiru fi swali apposta fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Fosthom hemm xows u attivitajiet għall-familja u għall-istudenti, tnedijiet u diskussjonijiet dwar kotba, workshops ta’ kitba, qari animat, u nħawi fejn il-professjonijisti tal-industrija jistgħu jiltaqgħu mal-pubbliku jew bejniethom.

It-tema tal-edizzjoni ta’ dis-sena – #kotbakitbauaktar – tixħet dawl fuq il-ħila tal-mezz artistiku li jmur lil hinn mill-kelma u jissawwar f’forom oħra, ngħidu aħna l-ħoss, it-teatru, jew l-adattament ċinematografiku. Ħarsa ħafifa lejn il-programm tixhed dal-ħsieb. B’50 esebitur u numru ta’ attivitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ mistiedna lokali u internazzjonali, il-Festival jibqa’ l-aktar avveniment prominenti fil-Gżejjer Maltin għal dak li għandu x’jaqsam mal-kotba.

Kull sena l-KNK jistieden awturi internazzjonali li jservu bħala mezz biex il-komunità lokali tmur lil hinn mill-fruntieri Maltin. Bil-għan li jkebbes it-talent lokali u jwessa’ l-possibiltajiet, il-Festival joffri ċ-ċans lil kittieba, edituri, tradutturi, illustraturi u pubblikaturi Maltin jipparteċipaw f’workshops u diskussjonijiet fuq il-kitba, liema attivitajiet ikunu mmexxija minn mistiedna ta’ livell.

Fid-diskors tiegħu, Mark Camilleri innota l-kollaborazzjonijiet differenti li l-KNK għandu ma’ entitajiet oħrajn, u li bis-saħħa t’hekk qed jittella’ programm kulturali bit-tema #kotbakitbauaktar. Fost l-oħrajn, l-esebizzjoni From Illustration to Book ikkurata mill-Kunsill Malti għall-Arti; il-kamra sensorja għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu kkurata mill-Fondazzjoni Inspire; il-kunċert VII/Fidwata’ Teatru Malta u The New Victorians; l-esebizzjoni Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjalita’ Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti; xows teatrali bbażati fuq kotba rebbieħa tat-Terramaxka u mtellgħin mid-drammaturga Simone Spiteri; mural interattiv imtella’ mill-Malta Community of Illustrators u l-Kunsill Malti għall-Arti; diskussjoni mmexxija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films dwar l-adattamenti ċinematografiċi tal-kotba; u sessjonijiet ta’ qari għat-tfal mill-Energy and Water Agency.

Camilleri żied jgħid li l-mistiedna internazzjonali se jagħmlu diversi workshops ta’ kitba u editjar kif ukoll jaqsmu dak li jafu dwar is-swieqi barranin mal-professjonisti Maltin. Issemmew ukoll kollaborazzjonijiet oħrajn, bħal dik mal-Fondazzjoni tal-Commonwealth u dik mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Ġibiltà.

Barra minn hekk, l-esebituri tal-Festival se jkunu qed itellgħu l-attivitajiet tagħhom għal udjenzi varji u niċeċ letterarji fuq l-istands tagħhom jew fis-swali skont it-tema: Is-Sala tal-qarrejja, Is-Sala tal-Kittieba, Is-Sala fil-Pjazza, u t-Teatru.