Statistika ppubblikata mill-NSO uriet kif fʼAwwissu li għadda, l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali ammonta għal 949, li juri tnaqqis ta’ 309 kuntratti meta mqabbel ma’ dawk li kienu rreġistrati sena qabel.
Dan filwaqt li fl-istess xahar, kienu rreġistrati 970 konvenju, li juru żieda ta’ 51 meta mqabbla ma’ dawk tas-sena li għaddiet
Meta mqabblin maʼ dawk irreġistrati fl-istess xahar taʼ sena qabel, dawn iċ-ċifri juru tnaqqis taʼ 24.6 fil-mija fil-kuntratti taʼ bejgħ u żieda taʼ 5.5 fil-mija fil-konvenji.
Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-kuntratti laħaq il-€263.4 miljun, tnaqqis taʼ 9.4 fil-mija meta mqabbel mal-valur irreġistrat fʼAwwissu tas-sena ta’ qabel.
Fix-xahar taʼ riferenza, 869 jew 91.6 fil-mija tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn xerrejja individwali (familji), filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmula minn kumpaniji. Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu xerrejja individwali (familji) kien jammonta għal €210.9 miljuni, li huwa ekwivalenti għal 80.1 fil-mija tal-valur kollu.
F’Awwissu 2023, l-akbar għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, bʼtotal taʼ 259 u 178 kuntratt, rispettivament. L-inqas numri taʼ kuntratti kienu nnotati fid-Distrett tal-Punent, u fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna, bʼ96 u bʼ132 kuntratt, rispettivament.
L-akbar għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (79), Il-Mosta (46) u Birkirkara (41). Dawn il-kuntratti kienu jgħoddu għal 17.5 fil-mija tal-kuntratti kollha rreġistrati fʼAwwissu 2023.
FʼAwwissu, kienu rreġistrati 970 konvenju taʼ proprjetajiet residenzjali, li huma riflessi fʼżieda taʼ 5.5 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel. Ix-xerrejja individwali (familji) li kienu involuti fʼdawn il-konvenji kienu jgħoddu 893 jew 92.1 fil-mija, filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu kumpaniji.
L-akbar għadd taʼ konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ285 konvenju; segwit mid-Distrett tat-Tramuntana bʼ210 konvenji. Min-naħa l-oħra, l-inqas ammonti taʼ konvenji dehru fid-Distrett tal-Punent, u fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna, bʼ101 u bʼ108 konvenji, rispettivament.
L-akbar għadd taʼ konvenji kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (99), L-Imsida (53), u Marsaskala (42). Dawn il-konvenji kienu jgħoddu għal 20.0 fil-mija tal-konvenji kollha rreġistrati fʼAwwissu 2023.
//= $special ?>