Il-Libja fil-preżent qed tiffaċċja sitwazzjoni apokalitika fost l-għargħar li faqa’ lir-reġjuni tal-pajjiż b’konsegwenza tal-Maltempata ‘Daniel’ li ħalliet ‘il fuq minn 1,000 mejtin fil-belt tal-port ta’ Derna biss.
Sadanittant, sal-bieraħ kien hemm talanqas 10,000 irrappurtati nieqsa u meta s-servizzi għall-emerġenzi kienu qegħdin jiġbru, kontinwament, il-katavri tan-nies miz-zoni kollha li spiċċaw taħt għargħar.
Dan ukoll meta l-parti kbira ta’ Derna ( fejn qed jgħixu madwar 100,000 resident) spiċċat mgħarrqa wara li nfaqgħu żewġ digi fl-inħawi – bir-rapporti jirrappurtaw anki l-kroll ta’ diversi pontijiet f’din il-belt.
L-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar ikkonfermat li kien fadal l-eluf tan-neqsin b’kaġun tal-għargħar u għaldaqstant, iċ-ċifra tal-vittmi kienet mistennija titla’ b’mod sinifikanti.
L-impatt tal-Maltempata ‘Daniel’ fl-aħħar jiem inħass anki fl-ibliet ta’ Benghazi, Soussa u Al-Marj lejn il-lvant tal-Libja.
Il-kumitat għall-emerġenzi affiljat mal-Gvern Libjan tal-Lvant, fl-aħħar sigħat, qal li ‘mhumiex eżaġerati’ il-kalkoli dwar il-qerda f’Derna wara l-kroll ta’ numru xokkanti ta’ bini u meta sparixxiet talanqas 25 fil-mija ta’ din il-belt.
U filwaqt li l-Libja qed tosserva perjodu ta’luttu nazzjonali għal din it-traġedja bla preċedent, is-Salib l-Aħmar u l-Organizzazzjoni ta’ fejda simili tar-Red Crescent għadhom qed jevalwaw il-kriżi huma u jiffissaw il-vera numru ta’ nies mitlufa.
Il-Prim Ministru tar-reġjun tal-Lvant tal-Libja, Osama Hamad jemmen li fl-għargħar inqatlu talanqas 2,000 wara li l-għargħar kaxkar miegħu kważi n-neighbourhoods kollha ta’ Derna.
Intant, it-Turkija, l-Italja u l-Iran ikkontribwew mal-għajnuna fuq livell internazzjonali li qed tasal bħalissa lil-Libja. Dan meta fl-aħħar sigħat, numru ta’ ajruplani militari mgħobbijin bl-affarijiet essenzjali għal din il-kriżi umanitarja kienu qed itiru lejn il-Libja. L-Istati Uniti ukoll qed tibgħat l-għajnuna lejn il-lvant tal-Libja b’koordinazzjoni mal-pajjiżi sieħba tan-Nazzjonijieta Uniti u l-awtoritajiet Libjani.
L-għargħar anki ħalla ħerba fil-belt ta’ Misrata, lejn il-Punent tal-Libja — pajjiż li ilu mifni b’kaos politiku mir-rewwixta tal-2011 li ġabet fi tmiem l-eks-reġim tad-dittatur Muammar Gaddafi…Żvilupp storiku li ħalla lil-Libja effettivament maqsuma f’entitajiet separati, bi Gvern rikonoxxut mill-Punent qed jamministra minn Tripli u bil-Gvern ‘tal-Lvant’ qed jiffunzjona mill-belt ta’ Tobruk.
Is-sitwazzjoni politika, intant, qed tfixkel lill-isforzi tas-salvataġġ meta d-diversi awtoritajiet mhumiex jirreaġġixxu fil-ħin għal dan id-diżastru naturali.
//= $special ?>