Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-President Biden suġġett għal investigazzjoni mill-Kamra tar-Rappreżentanti

Ritratt: REUTERS

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington għandha jiftaħ investigazzjoni formali dwar il-President tal-Istati Uniti Joe Biden u li kapaċi twassal għal proċess ta’ impeachment.

Kevin McCarthy, is-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u membru prominenti tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni, qal li l-investigazzjoni għandha tikkonċentgra fuq ‘allegazzjonijiet dwar abbuż ta’ poter, korruzzjoni u sforzi intiżi biex itellfu lill-ġustizzja’….Reati li huma allegatament marbuta ‘mal-aġir — jew nuqqas ta’ azzjoni — min-naħa ta’Joe Biden.’

Ir-Repubblikani ilhom jinvestigaw lill-President Amerikan mindu huma, f’Jannar, ħadu l-kontroll tal-Kamra — bis-smigħ, sallum, ma jindika l-ebda provi konkreti li Joe Biden seta’ aġixxa b’xi mod ‘kriminali jew irregolari’ kemm ilu jmexxi lill-Istati Uniti.

Madankollu, is-smigħ xeħet aktar dawl fuq in-negozji ta’ Hunter Biden, iben il-President li r-Repubblikani qed jirreferu għalhom bħala ‘dubjużi’, Dan ukoll meta r-Repubblikani qed jevalwaw jekk il-President Biden ‘kienx jaf u prefera li jibqa’ sieket quddiem xi forom ta’ abbuż u aġir korrott min-naħa ta’ ibnu’.