Serb ta’ 38 sena qiegħed jinżamm mill-pulizija b’rabta ma’ allegat aggressjoni li seħħet iktar kmieni dalgħodu fil-Qawra.
Kienu għall-ħabta tas-sitta u nofs xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’residenza fi Triq Andrew Cunningham.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li ftit qabel seħħ argument bejn żewġt irġiel, is-Serb ta’ 38 sena u Malti ta’ 31 sena, u Ingliża ta’ 31 sena. Allegatament, waqt l-argument, is-Serb hedded liż-żewġ persuni l-oħra b’sikkina.
Waqt li r-raġel ta’ 31 sena sofra xi grief bis-sikkina u ħarab mir-residenza, il-mara ppruvat taħrab mill-gallarija fejn waqgħet madwar sular għoli. Iż-żewġ persuni ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa. Mill-istess residenza, il-pulizija arrestat lis-Serb ta’ 38 sena, fejn qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>