Melita Limited intgħażlet bħala l-aqwa fornitur tas-servizzi tal-mowbajl f’dik li hi kwalità meta mqabbla mal-prezz, u dan skont l-aħħar riċerka indipendenti Żvizzera.
Fl-istħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni – ICERTIAS – ibbażata fi Zurich, il-Melita qabżet lill-kompetituri tagħha u kisbet l-ogħla numru ta’ voti bħala l-fornitur li joffri l-aqwa proporzjon prezz-kwalità.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Melita, Harald Roesch, laqa’ dawn ir-riżultati b’sodisfazzjon u qal: “Għalina, l-affidabbiltà hija kunsiderazzjoni ewlenija għas-servizzi tagħna kollha, u li nipprovdu lill-klijenti tagħna valur tajjeb għal flushom fi żmien ta’ instabbiltà ekonomika tibqa’ prijorità sabiex niżguraw li l-esperjenza tal-klijent tissaħħaħ.”
L-istħarriġ sar online fost 1,200 parteċipant li saritilhom mistoqsija miftuħa: “Fl-esperjenza personali tiegħek, liema fornitur tas-servizz tal-mowbajl (inġenerali) joffri l-aqwa proporzjon prezz-kwalità fis-suq Malti?”
L-ogħla numru ta’ parteċipanti wieġbu “Melita”, u b’hekk il-kumpanija rebħet dan il-premju prestiġjuż għal Malta, hekk kif kisbet iċ-ċertifikazzjoni Best Buy Award għas-sena 2023/2024 fil-kategorija “Fornitur tas-Servizz tal-Mowbajl”.
Skont ir-riċerka, il-konsumaturi jfittxu l-aktar prodotti u servizzi affordabbli, iżda ma jridux jiċċaħħdu mill-kwalità – jekk żewġ kompetituri joffru prodott simili bl-istess prezz, il-klijent mhux se jaħsibha darbtejn biex jagħżel dak li jemmen li joffri kwalità ogħla u valur aħjar.
ICERTIAS irrimarkat: “Għall-Melita, ir-rebħa tal-ewwel post f’dan l-istħarriġ hija kisba importanti, kif ukoll konferma li l-prodotti u l-offerti tagħha jirrappreżentaw l-aqwa prezz u kwalità.”
//= $special ?>