Lokali

PROVI ĠODDA: Raġel ieħor jimplika nies minn Kastilja

“M’għandix fiduċja fil-ġustizzja…lanqas fil-Gvern…qed nara l-pajjiż game over”.

Hekk saħaq raġel ieħor li fl-aħħar sigħat tkellem ma’ NetNews hekk kif aktar persuni qegħdin ikomplu jsemmgħu leħinhom dwar l-iskandlu tas-serq mill-benefiċċji soċjali.

Dan l-individwu li tkellem mal-ġurnalist Dione Borg u li sa ftit taż-żmien ilu kien iqis lilu nniffsu bħala “laburist kbir” spjega kif fi żmien l-elezzjoni talab lill-Gvern biex jingħata job. Imma minħabba problemi ta’ saħħa mentali huwa ġie rifjutat – sakemm qalilhom li ma kienx ser jivvota.

Skont il-ġurnalist Mark Camilleri, Sonia Abela hija ħaddiema fl-uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll  kanvasser tas-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli – xi ħaġa li qatt ma ġiet miċħuda.

Waqt it-testimonjanza li qasam ma’ dan l-istazzjon, dan ir-raġel qalilna li għalkemm hu baqa’ jinsisti ma’ Kastilja li l-kundizzjoni tiegħu ma taqax taħt diżabilita severa, Sonia Abela xorta baqgħet twebbes rasha li d-dippressjoni u l-ansjetà li jsoffri bihom jaqgħu taħt l-iskema tad-diżabilita’. U kien għalhekk li hu – għalkemm ma talabx – ġie offrut din il-famuża skema li issa tinsab f’nofs kontroversja.

Minkejja dan, hu xorta rriffjuta din l-offerta għaliex dak li kien qed jitlob kien job, u mhux flus mill-benefiċċji soċjali. Dan ir-raġel jgħid illi kieku aċċetta l-offerta tagħhom kieku kien ser jispiċċa vittma tal-Gvern. 

Dan huwa l-ewwel każ li nafu bih fejn persuna ġiet offruta din l-iskema u irrifjuta.

Intant fl-istess intervista, dan ir-raġel illi ġie offrut din l-iskema jinsisti li l-partitarji Laburisti xebgħu minn  Robert Abela.

Dan is-serq mill-benefiċċji soċjali ġie kkundannat anke mill-Korpi Kostitwiti illi qed jistennew li kull min hu involut jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu.

Il-Prim Ministru innifsu din il-ġimgħa ikkonferma li kien ilu jaf li kien hemm firem foloz, ċertifikati foloz u dikjarazzjonijiet foloz li baqgħu għaddejin għal sentejn sħaħ. Iżda kif juru l-fatti il-mexxej Laburista żamm kollox mistur.