Internazzjonali

Wara t-terremot fil-Marokk: Ir-reazzjoni tal-Gvern ‘taħt il-lenti’

Numru ta’ attivisti u osservaturi qed jikkritikaw lill-awtoritajiet fil-Marokk dwar ir-ritmu u l-urġenza tar-reazzjoni uffiċjali għat-terremot kbir ta’ tmiem il-ġimgħa li mifhum li ħalla ‘il fuq minn 3,000 mejtin f’waħda mill-akbar traġedji li laqtu lil dan il-pajjiż Afrikan fi żmenijiet moderni.

Filwaqt li t-tfittxija għadha għaddejja għal numru mhux magħruf ta’ mitlufa, diversi sorsi fil-Marokk qegħdin jevalwaw il-ħidma ta’ emerġenza attwali fost id-dubji dwar kif din qed tkun ikkoordinata u dwar jekk il-Gvern ‘setax ħa azzjoni aktar f’waqtha’ biex jindirizza l-kriżi umana storika.

Sadanittant, il-makkinarju speċjalizzat għal dawn id-diżastri beda jasal fir-reġjuni remoti qalb il-Muntanji tal-Atlas li ġarrbu l-agħar impatt tat-terremot. Madankollu, it-toroq meqruda għadhom iservu bħala ostaklu għat-trasport tal-għajnuna u meta r-residenti f’diversi villaġġi qed ikollhom jieħdu ħsieb huma t-tfittxija għall-persuni neqsin taħt ir-radam tal-bini li ċedew fl-eqqel tat-theżżiża.

U waqt li mhux maħsub li se jinstabu wisq ħajjin taħt it-tifrik, l-attivisti favur id-drittijiet umani fil-belt ta’ Rabat qalu li ma jistgħux jifhmu għalfejn il-Gvern Marokkin ma żiedx l-appelli għall-għajnuna minn barra. Dan meta, skont ir-rapporti, l-awtoritajiet fil-Marokk aċċettaw ‘biss’ l-għajnuna minn erba’ pajjiżi– f’dan il-każ ir-Renju Unit, Spanja, il-Qatar u l-Emirati Magħquda.

Fl-istess ħin, l-attivisti kienu qed jittamaw li din is-sitwazzjoni tinbidel fost kummenti li l-Marokk – irrispettivament mill-kriterji politiċi — għandu jaċċetta l-għajnuna mingħand kull Stat li qed joffriha waqt dan iż-żmien diffiċli.