Għawdex Lokali Qorti

Żagħżugħ b’sentenza sospiża wara li ammetta li ħaraq żewġ muturi f’Għawdex

Żagħżugħ ta’ 20 sena residenti n-Nadur Għawdex ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li ħaraq żewġ muturi.

Il-każ seħħ fit-2 ta’ Settembru li għadda għall-ħabta tal-5:30 ta’ waranofsinhar fi Triq Piju Cellini, in-Nadur.

Meta l-Pulizija flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waslu fil-post sabu żewġ muturi li kienu pparkjati quddiem residenza jaqbdu. Wara li ntfew in-nirien, bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, waqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ħatret inkjesta.

Iż-żagħżugħ tressaq taħt arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana akkużat li volontarjament ħaraq żewġ muturi, kif ukoll li għamel ħsara fuq faċċata ta’ residenza privata kawża tan-nirien.

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll ingħatat ordni ta’ trattament fil-konfront taż-żagħżugħ.