Futbol Sport

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima jagħtu rebħa lill-Maċedonja ta’ Fuq f’Ta’ Qali

(Ritratt: Joseph Galea)

MALTA…………………………………….0

MAĊEDONJA TA’ FUQ…………...….2

Malta: H. Bonello, R. Camenzuli, S. Borg, M. Guillaumier (B. Paiber 89’), J. Mbong (C. Attard 46’), T. Teuma, E. Pepe, K. Nwoko (P. Mbong 72’), B. Kristensen (Y. Yankam 46’), Z. Muscat, J. Jones (L. Montebello 46’)

Maċedonja ta’ Fuq: D. Shiskovski, G. Zajkov (N. Serafimov 80’), V. Musilu, E. Elmas, E. Alioski, E. Bardhi, J. Atanasov (A. Elezi 75’), J. Manev, I. Alimi, B. Milovski (M. Rivstovski 90+2’), B. Dimoski (S. Ashkovski 85’)

Imwissija: T. Teuma 27’, S. Borg 39’, R. Camenzuli 66’ (MLT), D. Siskovski 85’, V. Musliu 88’ (MĊE)

Skorjaw: E. Elmas 5’, J. Manev 41’ (MĊE)

Referee: Henrik Nalbandyan (ARM)

Assistenti Referees: Mesrop Ghazaryan u Artur Gdlyan (ARM)

It-tim nazzjonali Malti għadu qed ifittex l-ewwel punt fi Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni meta fl-Istadium Nazzjonali sofra l-ħames telfa minn daqstant partiti meta kien megħlub mill-Maċedonja ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-0. Iż-żewġ gowls waslu fl-ewwel taqsima, u għalkemm il-Maltin kellhom il-mumenti tagħhom dawn ma sarfu fl-ebda gowl, bl-iskor jibqa’ bħalma ntemmet l-ewwel taqsima.

Il-Maċedonja ta’ Fuq fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-logħba wara ħames minuti meta l-captain Enis Bardhi għadda ballun lejn il-midfielder ta’ Napoli Eljif Elmas li minn tarf il-kaxxa pinġa xutt fl-angolu tax-xibka, bil-goalkeeper Malti Henry Bonello megħlub għal kollox.

Fil-41 minuta, l-Maċedonja skorjaw it-tieni gowl meta l-korner ta’ Enis Bardhi sab lil Jovan Manev żmarkat għal kollox li b’daqqa ta’ ras fil-baxx għeleb lil Bonello, gowl li bla dubju d-difiża Maltija setgħet għamlet ħafna aħjar biex tevitaħ. Din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota fl-ewwel taqsima qabel it-tisfira tar-referee mill-Armenja Henrik Nalbandyan.

Fit-tieni taqsima l-Maltin ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti free-kick ta’ Teddy Teuma jasal għand Steve Borg, iżda d-difensur ta’ Ħamrun Spartans laqat ħażin u l-ballun spiċċa f’idejn Shiskovski.

Mill-azzjoni ta’ wara l-Maċedonja ta’ Fuq marru viċin it-3-0 meta minn azzjoni personali reġa’ kien il-captain Bardhi li ra x-xutt fil-baxx tiegħu jgħaddi ċentimetri barra mil-lasti ta’ Bonello.

Fis-67 minuta l-Maltin reġgħu ħelsuha ħafif meta x-xutt ta’ Alioski stampa mal-wieqfa qabel mar barra.

Minuta wara Ryan Camenzuli minn barra l-kaxxa prova xutt b’saħħtu li iżda għadda għoli.

Bonello kellu jintervjeni b’diffikultà fil-81 minuta war xutt ċentrali ta’ Bojan Milovski.

Fit-83 minuta azzjoni minn Malta, Paul Mbong jgħaddi lejn Pepe li prova minn tarf il-kaxxa bil-goalkeeper Shiskovski jkollu jilqa’ f’żewġ tentattivi. Minuta wara kross ta’ Cain Attard li sab lil Camenzuli fil-kaxxa, iżda għalkemm minn qagħda ideali, dan tal-aħħar tefa’ għoli.

L-iskor sat-tisfira finali baqa’ ma nbidilx u t-tliet punti jmorru għand il-maċedonja ta’ Fuq li issa għandhom 7 punti daqs l-Ukrajna u l-Italja b’dawn tal-aħħar iżda għandhom logħba nieqsa.

Ritratt: Joseph Galea