Lokali

Edukazzjoni aktar individwalizzata li titratta l-ħtiġijiet tal-istudent – PN

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li jkun hawn aktar investiment fit-trawwim ta’ edukaturi ġodda

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni għal kull tifel u tifla għandha tkun waħda individwalizzata biex kulħadd jieħu l-massimu mill-esperjenza skolastika. B’sistema fejn l-edukazzjoni tkun mibnija fuq il-kunċett individwalizzat, it-tfal u ż-żgħażagħ jista’ jkollhom edukazzjoni aktar ġusta, demokratika u bbażata fuq it-tagħlim informali b’mod sussidjarju għal dak formali.

Fi stqarrija ppubblikata mid-deputat tal-PN u Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja Justin Schembri, ingħad li minkejja li bħalissa l-Gvern qed jippromwovi l-istrateġija għall-edukazzjoni 2024-2030, li fil-qalba tagħha hemm il-benesseri tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-edukaturi, il-Partit Nazzjonalista jista’ jinnota li dan ma jistax iseħħ kemm-il darba ma jonqsux in-numri ta’ studenti fil-klassijiet, speċjalment f’dawk tas-snin bikrin, biex l-edukaturi jgħallmu b’viżjoni aktar iffukata.

Hu importanti li llum, aktar minn qatt qabel, l-esperjenza skolastika sservi bħala wesgħa fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jikbru mhux biss akkademikament, iżda wkoll individwalment u personalment. B’hekk, l-edukaturi jridu jingħataw kull tip ta’ riżorsa, primarjament umana, biex isiru jafu lit-tfal aħjar biex jimmonitoraw il-progress b’anqas burokrazija iżda b’aktar fokus fuq l-iżvilupp.

Dan jista’ jwessa’ l-inklużjoni f’kull forma tagħha. L-edukaturi għandhom ikunu megħjuna kontinwament minn servizzi professjonali anċillari oħrajn li jridu jiffunzjonaw b’sinkronija mal-bżonnijiet tal-klassijiet u tal-iskejjel.

Qed jidher b’mod evidenti li l-klassijiet mhux se jkollhom l-ambjent fejjiedi li fih tista’ timraħ din it-tip ta’ edukazzjoni għax fil-maġġorparti tagħhom se jkunu ‘at full capacity’. Quddiem din is-sitwazzjoni, li se tkun qed taffettwa t-tagħlim individwalizzat u ċentralizzat li għandu jkun il-qofol tal-Edukazzjoni bikrija, matul dawn il-ġimgħat tas-sajf, il-Gvern naqas milli jindirizza qagħda li fiha l-klassijiet ma jistgħux jieħdu aktar studenti, tant li l-edukaturi se jkunu eżawriti bi klassijiet numerużi li jmorru kontra l-intenzjoni tal-Istrateġija tal-Edukazzjoni.

Kien l-obbligu tal-Gvern li jara li l-iskejjel kollha (bla ebda distinzjoni) jkollhom spazju adegwat, internament u esternament, kif ukoll li l-ingaġġ tal-edukaturi, primarjament fil-livell tas-snin bikrin, jissaħħaħ biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-klassijiet gradwalment skont iż-żieda fil-popolazzjoni tal-istudenti fl-iskejjel lokali.

Il-Partit Nazzjonalista hu mħasseb dwar kif l-istudenti tagħna jistgħu jkunu mogħtija l-aħjar edukazzjoni meta qed jiżdiedu l-ammonti ta’ tfal mingħajr pjan għall-futur. Għalhekk, itenni li l-Gvern għandu jagħmel studju li bih janalizza t-tkabbir fil-popolazzjoni studenteska għas-snin li ġejjin biex umbagħad jimplimenta pjan immedjat għat-tkabbir fil-bini tal-iskejjel u l-ispazji tagħhom u l-ingaġġ tal-professjonisti fil-qasam edukattiv.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li, jekk din l-isfida ma tkunx indirizzata, pajjiżna jista’ jasal fi stat li minħabba f’dawn iż-żidiet, ikunu impjegati nies fis-settur tal-edukazzjoni li ma jkunux ikkwalifikati biżżejjed minħabba nuqqas ta’ pjan għas-snin li ġejjin. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-iskejjel tagħna għall-benessri tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-edukaturi u tal-professjonisti kollha fis-settur u fl-istess waqt, isejjaħ għal aktar investiment fit-trawwim ta’ edukaturi ġodda.