Lokali

Għal Michael Falzon il-każ ta’ frodi “sar minn barra”

Każ ta’ frodi li jinvolvi miljuni.
Flus li nsterqu mit-taxxi li jħallas kull ħaddiem f’pajjiżna.
Frodi li huwa konferemat b’sentenzi mill-Qorti.

Iżda l-Ministru Michael Falzon, responsabbli politikament mis-settur socjali, spicca kważi jitbissem meta ġie mistoqsi mill-media jekk hux se jġorr responsabbilta għal dan ir-racket mill-beneficcji socjali.

“Taħseb li għandek tirreżenja?” staqsa ġurnalist tat-Times.
“Naħseb hemm differenza li wieħed ikollu responsabbiltà politika u tmur għan-naħa l-oħra għad-demm politiku. Dik hi xi ħaġa li wieħed għandu jaraha,” qal il-Ministru Falzon.
“Jiġifieri ma taħsibx li kellek tirreżenja?” reġa’ staqsa l-istess ġurnalist.
“Nerġa’ ngħidlek, kieku kont involut f’xi ħaġa ma kienx ikolli diffikultà,” qal il-Ministru. “Hi xi ħaġa li ġejja minn barra.”

Skomdu ferm, din kienet it-tweġiba tal-Ministru għad-domanda li saret mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi ħdan il-ministeru tiegħu qabel l-iffirmar ta’ ftehim mal-Malta LGBTIQ Rights Movement, bil-Ministru tant spiċċa dahru mal-ħajt quddiem il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, li ħarab ‘il barra u ma kienx preżenti għal dan l-iffirmar.

Bil-Ministru Falzon jaħrab mistoqsija wara l-oħra…anke minħabba l-fatt illi dan il-każ serju ta’ frodi wera kemm l-affarijiet mhux jaħdmu sew fil-ħruġ tal-benefiċċji soċjali.

Għalkemm, il-Ministru jifhimha mod ieħor.

“Hi sezzjoni li tiffunzjona,” qal il-Ministru Falzon.

Racket ta’ frodi li għal sentejn sħaħ inżamm mistur mill-poplu Malti u Għawdxi.

Fil-fatt, f’Diċembru tal-2021 kienet tħabbret ir-riżenja ta’ Silvio Grixti minn Membru Parlamentari Laburista hekk kif kien qed ikun investigat dwar ċertifikati tal-mard irregolari u iffirmar ta’ dokumenti foloz. Madanakollu, dak iż-żmien, dawn kienu biss allegazzjonijiet u ftit kien hemm dettalji tar-racket li kien għaddej. Bil-Gvern għażel li jaħbi dan il-frodi kompletament.

“Li kien hemm din ir-racket hu fatt. Mhux kulħadd mhux ġenwin iżda dan ir-racket hu vera. Ma taħsibx li kelkhom tgħidu lin-nies b’dak li sibtu? Għax qiskhom ħbejtuha,” staqsa ġurnalist preżenti.
“Ma naħsibx li nbiet. Fir-realtà meta għandek istituzzjoni li qed tmexxi proċess, l-ewwel ħaġa li tagħmel li tikkopera mill-ewwel, u dan għamilnih mill-ewwel. Huwa importanti wkoll li ma tfixkilx l-investigazzjoni.”

U minkejja li din kienet l-ewwel opportunità li fiha l-ġurnalisti kellhom ċans isaqsu lill-Ministru Falzon dwar dan il-każ serjissimu, il-Ministru għażel li ma jweġibx il-mistoqsijiet kollha. U minflok telaq ‘il barra.

“Min se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika dwar dan il-każ?” staqsa Net News.
“Diġa’ weġibtek,” qal il-Ministru Falzon. “Xi ħadd ieħor għandu mistoqsija oħra?”
“Ħadd mhu se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika?” reġa’ staqsa Net News mingħajr ma ħa tweġiba għal dan qabel il-Ministru ħarab ‘il barra.

B’Michael Falzon jibqa’ ma jgħidx min se jġorr responsabbiltà politika għal-dan is-serq ta’ miljuni.