Il-Kunsill Lokali Għajnsielem għadu kemm temm b’suċċess żewġ proġetti kbar tal-Unjoni Ewropea taħt il-Miżura 4.3 u 4.4 tal-EARDF 2014-2020. Dawn il-proġetti kienu jinkludu f’5 kilometri ta’ wiċċ ġdid lit-toroq tal-Briegħen, Xatt l-Aħmar u dik Ta’ Bordin. Għal dawn it-toroq il-Kunsill ingħata s-somma ta’ €300,000 mill-Unjoni Ewropea.
Għall-proġett l-ieħor taht il-Miżura 4.4, il-Kunsill irrestawra mhux inqas minn żewġ kilometri ħitan fit-toroq tal-Briegħen u anke dik Tax-Xatt l-Aħmar. Wara li dawn it-toroq kienu fil-parti l-kbira tagħhom inaċċessibli u anke mimlija skart illegali, issa għandhom toroq li huma aċċessibli kemm għall-bdiewa li ilhom snin twal jitolbu li jitranġaw l-istat ta’ dawn it-toroq, u anke l-familji permezz ta’ mixjiet fil-kampanja. Minn naħa l-oħra dawn ġew ikkumplimentati b’restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ li sar b’sengħa kbira li ċertament kompla jsebbaħ l-ambjent rurali, jgħin lil bdiewa tagħna u jħajjar lill-familji joħorġu barra u jgawdu l-mixjiet fl-arja pura tal-kampanj. Għal dawn il-ħitan il-Kunsill ingħata s-somma ta’ €130,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Kunsill immarka l-għeluq ta’ dawn iż-żewġ proġetti. Is-Sindku Kevin Cauchi faħħar dawn l-inizjattivi li mingħajrhom il-Kunsill ma jistax iwettaq proħetti ta’ dan il-kobor u kalibru. Huwa rrefera wkoll għax-xogħol li għdu kemm sar minn miżura oħra 4.3 fi Triq Dahlet l-Għama li wkoll għada kemm tlestiet minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dan kollu jkompli jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex itejjeb mhux biss l-infrastruttural rurali izda wkoll din tal-kampanja tagħhom.
//= $special ?>