Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ whistleblower biex jixhed fi proċeduri dwar allegat racket ta’ liċenzja tas-sewqan fi Transport Malta. Dan wara r-rikors li huwa ppreżenta lill-Maġistrat Rachel Montebello li qed tisma’ l-każ.
Il-whistleblower, qed isostni wkoll li hemm frodi fuq votanti, u li allegatament hu ġie mġiegħel jitlaq mill-pajjiż wara li l-permess ta’ residenza tiegħu ġie revokat bla mistenni u dan minħabba li kixef dan ir-racket. Ir-raġel ħadem bħala traduttur ma’ Transport Malta billi assista kandidati li la kienu jitkellmu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż waqt l-eżami tas-sewqan tagħhom.
Identity Malta ċaħdet li karti tal-identità ta’ ċittadini Maltin imwielda barra ingħataw lil residenti barranin biex jivvutaw lill-Partit Laburista, iżda l-whistleblower jgħid li għandu provi mod ieħor. F’Awwissu, il-whistleblower ressaq rikors biex jipprova jixhed fil-każ li jimplika nies oħra ta’ profil għoli fosthom “Ministru”. Huwa reġa’ ressaq it-talba tiegħu nhar it-Tlieta.
Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba hekk kif ippresediet kawża fil-qorti kontra Clint Mansueto, Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit li jinsabu akkużati b’korruzzjoni bħala eks uffiċjali ta’ Transport Malta.
Il-prosekuzzjoni qalet li talbet lix-xhud biex jixhed permezz ta’ video conferencing. Għalkemm l-applikazzjoni tiegħu kienet tittratta “materji oħra mhux relatati ma’ dan il-każ” il-prosekuturi x’aktarx iridu jagħmlu mistoqsijiet biex jittestjaw il-kredibbiltà tax-xhud.
Il-Qorti minn naħa tagħha talbet informazzjoni dwar fejn jinsab ix-xhud. Iżda l-Avukat mill-Uffiċċju ta-AĠ Abigail Caruana Vella spjegat li l-ispettur tal-pulizija m’għandux informazzjoni dwar fejn qed jgħix il-whistleblower barra minn Malta.
“Madankollu l-pulizija tkellmu miegħu permezz ta’ video call,” żiedet tgħid l-avukat tal-prosekuzzjoni. Ix-xhud se jixhed f’seduta futura, bid-data għad trid tiġi stabbilita. Madankollu, il-prosekuzzjoni mistennija tinforma lill-qorti bil-post minn fejn se jixhed qabel ma fil-fatt jixhed.
Ir-raġel, permezz tal-avukati tiegħu Jason Azzopardi u Kris Busietta, kien ippreżenta t-tieni rikors fejn talab jixhed wara li l-ewwel rikors tiegħu ma ġiex iddekretat mill-Qorti. Ir-raġuni għal dan kienet li l-maġistrat ma setgħetx tieħu konjizzjoni tat-talba tiegħu peress li fil-ħin tal-preżentata, l-atti kienu fl-uffiċċju tal-AĠ.
L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jassistu lil Mansueto. L-Avukat Joe Giglio qed jassisti lil Pace. L-Avukat Herman Mula qed jassisti lil Zammit.
Il-Qorti tilqa’ t-talba biex il-whistleblower jixhed fuq l-allegat racket tal-liċenzji fi Transport Malta
