Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Punent imħasseb dwar il-potenzjal ta’ kooperazzjoni militari ta’ Moska mal-Korea komunista

Il-President Russu Vladimir Putin u l-Mexxej tal-Korea komunista Kim Jong-Un, fl-aħħar sigħat temmew laqgħa li saret f’kosmodrom fil-Lvant Imbiegħed tar-Russja u li r-riżultati tagħha kapaċi jħallu impatt sinifikanti għall-gwerra li ilha għaddejja aktar minn sena u nofs fl-Ukrajna.

U waqt li Kim kien qed iżur numru ta’ siti fil-belt ta’  Vladivostok Vladimir Putin żvela li jeżistu xi ‘possibbiltajiet’ ta’ kooperazzjoni militari bejn Moska u Pyongyang.

Filwaqt li d-dettalji kienu pjuttost imċajprin, dan il-kumment, bla dubju, qed jippreokkupa lill-Punent li qed jara l-potenzjal ta’ eskalazzjoni tal-konflitt fl-artijiet Ukreni jekk kemm-il darba r-Russi jingħataw il-kunsinni tal-munizzjon u tagħmir militari ieħor mingħand il-Korea komunista.

Wara l-laqgħa, Vladimir Putin sostna li hu u Kim Jong Un kienu involuti fi ‘skambju ta’ ideat u opinjonijiet’ waqt li rrefera għall-opportunitajiet li jeżistu għall-kooperazzjoni militari minn aspett tekniku. Fl-istess ħin, u f’kumment li l-osservturi qed iqisuh bħala ambigwu, Putin żied li r-Russja għandha tirrispetta l-obbligi internazzjonali kollha li ffirmat għalihom.

Min-naħa tiegħu, Kim Jong Un, waqt pranzu organizzat minn Putin, tkellem dwar il-kooperazzjoni li ilha teżisti bejn pajjiżu u r-Russja. U l-aktar kumment sinifikattiv kien li ‘hu (Kim) u pajjiżu dejjem se jappoġġjaw id-deċiżjonijiet tal-President Putin bħala alleat ta’ Pyongyang fil-ġlieda kontra l-imperjaliżmu.’

Sadanittant qed jitqies ukoll bħala sinifikanti l-fatt li dawn il-mexxejja fl-ebda ħin ma ddiskutew il-possibbiltà ta’ gwerra nukleari – dejjem skont l-informazzjoni li ngħatat mill-Kremlin ta’ Moska.

Is-sorsi fil-Kremlin komplew li l-Korea ta’  Fuq tinsab interessata wkoll f’kooperazzjoni mar-Russja fl-oqsma tal-avvjazzjoni u t-trasport.