Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Chetcuti ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali u lliberat tmien persuni li 22 sena ilu kienu mixlija b’involviment fi pjan biex tiddaħħal f’Malta kwantità kbira ta’ droga bi pjan imfassal mill-ħabs.
L-akkużati, fosthom John Camilleri mill-Imqabba, kienu mixlija li kienu kompliċi fl-importazzjoni ta’ żewġ kilos kokaina, kilo eroina u madwar 2,000 pillola ecstacy mill-Olanda. Fir-rigward ta’ Camilleri li jiġi ħu Leli “Il-Bully” li minn naħa tiegħu kien instab ħati, dan kien se jgħaddi ġuri, iżda talba mill-Avukat tiegħu Joe Brincat fuq punt legali biex il-każ jinstema’ minn Qorti tal-Maġistrat kienet milqugħa.
Il-pjan allegatament kien jinvolvi 19-il persuna, fosthom Olandiż, li allegatament kien jagħtih l-istruzzjonijiet bil-mobile mill-ħabs. L-investigazzjoni tal-Pulizija kienet tinvolvi l-interċettar ta’ telefonati fosthom bejn l-aħwa dwar it-trasferiment tal-flus għax-xiri ta’ droga u bejn żewġ ħabsin oħra, Charles Steven Muscat magħruf bħala l-Pips u Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru li aktar tard inqatel brutalment flimkien ma’ ibnu f’Għalqa fil-Qajjenza.
Id-droga kellha tidħol Malta b’karozza mill-Italja imma fl-2002 din ġiet interċettata mill-Pulizija Taljana. Dwar dan il-każ kienu ġew akkużati wkoll fil-Qorti Yvette Muscat, Trudy Testa, Pierre Camilleri, Carmen Armani, Sylvana Bugeja, Juma Said Karfoosh, Suzanne Abela u Albert Bugeja.
Fis-26 ta’ Settembru 2017 il-Qorti tal-Maġistrati preseduta minn Dr. Francesco Depasquale, illum Imħallef kienet illiberat lil John Camilleri għax qalet li l-istqarrijiet li ta waqt l-interrogazzjoni ma setgħux jintużaw bħala evidenza kontrih għax ma kienx akkumpanjat minn avukat waqt l-arrest. Il-Maġistrat għaldaqstant kien ħeles lill-akkużat minħabba nuqqas ta’ provi.
Sentenza simili ngħatat fit-12 ta’ Ġunju tal-2018 meta l-istess Qorti tal-Maġistrati kienet illiberat lit-tmien akkużati l-oħra mixlijin f’dan il-każ. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella mis-sentenzi, bl-Imħallef Camilleri jgħid li l-Ewwel Qorti kienet korretta għal mod kif tagħat is-sentenza u qieset il-provi.
Ċerta Juma Said Karfoosh, li kien joqgħod il-Ħamrun kien miet qabel inqata’ l-appell u għalhekk l-Imħallef Camilleri ma ddeċidiex dwaru. Fid-deċiżjoni tiegħu, huwa kkonkluda li għalkemm seta’ kien hemm suspett raġonevoli dwar is-sehem tal-akkużati fil-pjan, ma tressqu ebda provi li fuqhom setgħu jinstabu ħatja.
Mis-sentenzi jirriżulta li l-istqarrijiet li kienu taw lill-Pulizija waqt l-investigazzjoni ma ġewx kunsidrati mill-Qorti minħabba li tteħdulhom mingħajr il-preżenza ta’ avukat. Mill-provi l-oħra ma ġietx stabbilita l-ħtija għal raġunijiet varji fosthom għax ma ġiex ippruvat li l-mobile phones interċettati kienu tal-akkużati jew għax fit-telefonati li fihom kienu involuti wħud mill-akkużati ma kienx hemm referenza ċara għad-droga.
Kien għalhekk li l-Imħallef Camilleri kkonferma s-sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati li bihom id-disa’ akkużati kienu nħelsu dwar is-sehem tagħhom fl-allegat pjan biex tiddaħħal id-droga f’Malta, b’wieħed minnhom il-Qorti ma setgħetx tieħu konjizzjoni minħabba li laħaq miet. L-Avukati Joe Brincat, Arthur Azzopardi, Kathleen Grima u Edward Gatt dehru għall-akkużati.
//= $special ?>