Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-elezzjonijiet Ewropej tal-2024: 15-il siġġu ieħor maqsuma bejn 12-il pajjiż

Il-Parlament Ewropew fi Brussell

Il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiżdied in-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura li jmiss minn 705 għal 720.

Il-proposta tal-Kunsill Ewropew kienet ibbażata fuq ir-rapport ta’ Ġunju 2023 tal-Parlament, li beda l-proċess u li kien imqanqal mill-bidliet demografiċi fl-UE mill-elezzjonijiet tal-2019 ’l hawn. Is-siġġijiet addizzjonali se jiġu allokati kif ġej:

  • Franza +2 [81]
  • Spanja +2 [61]
  • Il-Pajjiżi Baxxi +2 [31]
  • L-Awstrija +1 [20]
  • Il-Belġju +1 [22]
  • Il-Polonja +1 [53]
  • Id-Danimarka +1 [15]
  • Il-Finlandja +1 [15]
  • Is-Slovakkja +1 [15]
  • L-Irlanda +1 [14]
  • Is-Slovenja +1 [9]
  • Il-Latvja +1 [9]

Il-Parlament adotta d-deċiżjoni leġiżlattiva b’515-il vot favur, 74 vot kontra u 44 astensjonijiet. L-elezzjonijiet li jmiss (6-9 Ġunju 2024) se jsiru bin-numru l-ġdid ta’ siġġijiet fil-Parlament.

L-isfond: Il-kompożizzjoni tal-Parlament tiġi evalwata qabel kull elezzjoni, skont il-prinċipji stabbiliti fit-Trattati (jiġifieri massimu ta’ 750 MPE minbarra l-President, mhux anqas minn 6 siġġijiet u mhux aktar minn 96 siġġu għal kull pajjiż tal-UE, u l-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva”, u abbażi taċ-ċifri l-aktar reċenti dwar il-popolazzjoni.