Budget 2024 Lokali

L-Għaqda tal-Pensjonanti tipproponi żieda fil-Pensjoni Minima

Il-Pensjoni Minima Nazzjonali (PMN) għandha tiżdied sal-livell fejn persuna tgħix b’mod dinjituż u ma tibqax aktar f’riskju ta’ faqar. Dan qed jiġi propost mill-Għaqda tal-Pensjonanti hekk kif illum ġie preżentat id-dokument ta’ qabel il-Budget.

L-anzjani qalu illi huwa fatt rikonoxxut li fejn id-dħul ta’ persuna jkun anqas minn 60% tad-dħul medju, din il-persuna tkun meqjusa bħala f’riskju serju ta’ faqar. U għalhekk, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-pensjonanti, partikolarment dawk ta’ ’l fuq minn 65 sena, dawk li huma weħidhom, kif ukoll jekk persuna tkun toqgħod ma’ ħaddieħor.

L-għaqda qed tipproponi wkoll li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kbira fir-“Riforma” tal-pensjonijiet meta l-pensjonanti ġew maqsuma f’żewġ klassijiet – dawk li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, li ġew klassifikati bħala Klassi A, u dawk li twieldu fil-31 ta’ Diċembru 1961 jew qabel, magħrufa bħala ta’ Klassi B. Din is-sitwazzjoni ħolqot inġustizzji u inugwaljanzi evidenti bejn iż-żewġ klassijiet ta’ pensjonanti. Dan l-effett diġa qed jinħass minn min qed jibbenefika minn dan il-provediment. Hemm bżonn li s-ceiling tal-Ogħla Dħul Pensjonabbli ta’ Klassi B ikun bħal dak ta’ Klassi A biex b’hekk tonqos b’mod tanġibbli l-inugwaljanza fil-pensjonijiet. L-Għaqda ilha is-snin tilmenta dwar din id-diskrimazzjoni.

L-Għaqda tal-Pensjonanti qalet illi għalkemm qed jiżdiedu l-mediċini fil-lista taħt Schedule V tal-Att tal-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali (Mediċini li jittieħdu mingħajr ħlas taħt l-iSkema tal-POYC) – il-mediċini KOLLHA li jeħtieġu għal saħħithom għandhom jingħatawlhom.

Intant, l-anzjani qed iħeġġu wkoll lill-Gvern sabiex tittieħed azzjoni sabiex il-bankini u l-passaġġi pedonali jkunu bla periklu u aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni li jużaw wheelchair, dawk neqsin mid-dawl jew b’xi diżabilità oħra, kif ukoll dawk li jkunu qed imexxu pushchair jew pram. Lanqas m’għandhom ikunu b’xi mod ingumbrati (b’arbli tad-dawl, b’e-scooters u garbage bags).