Lokali

L-NAO jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tkun investigata l-Kummissjoni Maltija tal-Films

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) laqa’ t-talba li jkun investigat l-infieq ta’ kważi €137 miljun li l-Kummissjoni Maltija tal-Films għamlet minn flus il-poplu fuq soċjetajiet irreġistrati barra minn pajjiżna bejn Settembru 2018 u Awwissu 2023.

Fit-tweġiba tiegħu għat-talba tal-Partit Nazzjonalista, l-NAO qal li se jkun qed jevalwa jekk u kif ix-xogħol tal-Kummissjoni Maltija tal-Films kienx ibbażat fuq strateġiji nazzjonali u ministerjali ċari, filwaqt li janalizza kemm il-pjanijiet finanzjarji kienu jinkorporaw dettalji tal-attivitajiet prinċipali kollha tal-Kummissjoni Maltija tal-Films, fost oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jtenni li dawn il-miljuni setgħu jintefqu fuq setturi differenti, fosthom anke biex tissaħħaħ il-kultura Maltija jew biex jitjiebu r-riżorsi u t-talenti lokali. Għaldaqstant, hu fl-interess pubbliku li nassiguraw li dan it-tip ta’ infieq ta’ fondi pubbliċi mhux qed iċaħħad, jiddiskrimina u/jew iżomm lura b’xi mod meta mqabbel mal-infieq li qed isir biex nakkomodaw soċjetajiet esteri.

It-talba kienet saret mit-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini, flimkien mal-Kelliem għall-Wirt Storiku, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.