Internazzjonali

L-Ukrajna: Attakk effettiv fuq il-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed

Ir-Russja qed tgħid li l-Ukrajna sparat talanqas għaxar missili waqt attakk fuq il-bażi tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed fil-Krimea. Ir-rapporti żiedu wkoll li fl-attakk intużaw anki xi opri tal-baħar mingħajr ekwipaġġ, bl-azzjoni tikkaġuna nirien kbar f’tarzna ta’ Sevastopol u li fih indarbu l-għexieren tan-nies.

L-awtoritajiet (fiz-zona) li jappoġġjaw lir-Russja qalu li l-maġġoranza tal-missili tal-Ukreni kienu interċettati u li talanqas żewġ vapuri ġarrbu l-ħsarat fl-attakk.

Fl-istess ħin, xi sorsi fl-Ukrajna qed jindikaw li fl-azzjoni ntużaw numru ta’ missili cruise ipprovduti lilhom mill-Punent u f’każ ta’ konferma, din għandha titqies bħala l-ewwel darba li l-armi tipiċi jkunu ntużaw fuq miri fil-Krimea – il-penisola li r-Russi kienu ħatfu lill-Ukrajna waqt l-ewwel xhur tal-2014.

Jaħsbu li s-servizzi sigrieti tal-Ukrajna kienu strumentali biex il-missili jolqtu vapur u sottomarin tar-Russi li kienu qed isirulhom it-tiswijiet fit-tarzna inkwistjoni. U l-indikazzjonijiet huma li l-Ukreni rnexxielhom iwettqu attakk tassew sinifikanti kontra l-vapuri tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed.

Dan ukoll fost indikazzjonijiet li l-missili kienu sparati mill-ajruplani tal-Ukreni, bil-kelliema fi Kiev isostnu li ‘wieħed għandu jistenna aktar attakki simili f’din il-fażi tal-gwerra (mar-Russja).’

Fl-istess ħin, il-fatt li numru ta’ missili żgiċċaw lid-difiżi tar-Russi – u bir-riżultat li kaġunaw il-ħsarat sostanzjali – għandu jippreokkupa bil-kbir lill-awtoritajiet fil-Kremlin.