Lokali

“Robert Abela ttradixxa lill-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

"Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jtik il-ħajja li tixraqlek”

“Għandek tradiment tal-poplu Malti u Għawdxi kollu għax meta inti tixtri l-vot bi skuża li persuna għandha diżabbiltà, hemmhekk inti tradejt lill-poplu Malti li jħares lejn l-elezzjonijiet bħala xi ħaġa sagra.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu fil-programm Perspettivi fuq Net Television fejn fost l-oħrajn tkellem dwar l-iskandlu tal-frodi tal-benefiċċji soċjali li qisu bħala wieħed li għandu ħafna nuqqasijiet.

“Għandek tradiment,” qal Bernard Grech. “Użaw lil persuni b’diżabbiltà. Ma tistax tinżel iktar fil-baxx milli tuża’ persuni vulnerabbli.”

Bernard Grech qal li Robert Abela għandu jiġi investigat minnufih dwar dan il-każ.

“Min ibbenefika minn dan ir-racket? Robert Abela kien li bbenefika u allura l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jagħmel xogħlu,” qal Bernard Grech. “Ħafna ħassewhom cheated għax huma ipparteċipaw fl-elezzjonijiet b’mod ġust u Robert Abela pparteċipa b’mod qarrieqi.”

Rigward l-infrastruttura ta’ pajjiżna, il-Kap tal-PN qal kif il-Gvern Laburista ħalla lil Malta f’telqa kbir, bil-poplu Malti u Għawdxi kompletament minsi biex ikollu l-iktar drittijiet bażiċi.

“Robert Abela żied ftit li xejn fuq l-investiment li għamel Partit Nazzjonalista, bl-infrastruttura, waħda wara l-oħra, qiegħda tfalli. U aħna x’se nagħmlu? Aħna se ninvestu fik,” qal Bernard Grech. “Kull problema fl-infrastruttura f’pajjiżna se nkunu qed nindirizzawha u ninvestu fiha għaliex hekk hemm bżonn.”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-importanza li l-Gvern jaħdem favur ħajja iktar sana għall-Maltin u l-Għawdxin.

“Jien nemmen u konvint li flimkien magħkom se nkomplu nikkonvinċuk biex inti tagħżel il-bidla sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jtik il-ħajja li tixraqlek,” qal Bernard Grech.

U hekk kif wasalna biss ftit jiem ‘il bogħod mill-festi tal-Indipendenza, Bernard Grech appella biex kull individwu jattendi sabiex b’hekk isemma’ leħnu għal ħajja aħjar ta’ kull individwu.

It-tema magħżula għall-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena hi “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”, bil-festi organizzati mill-Partit Nazzjonalista jibdew nhar it-Tnejn 18 ta’ Settembru u jilħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting tal-Indipendenza nhar l-20 ta’ Settembru fi Pjazza Tritoni.