Lokali

Sfidi urġenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji

FinanceMalta organizzat is-16-il Konferenza Annwali tagħha bit-tema “Leading change through innovation” – konferenża li kompliet tibni fuq is-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti billi offriet pjattaforma unika għal networking…u biex professjonisti jaqsmu l-għarfien tagħhom.

Fil-fatt, l-għan wara dan l-avveniment kien sabiex FinanceMalta tindirizza l-aktar sfidi urġenti u xejriet emerġenti li jsawru l-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-konferenza annwali – li għaliha attenda wkoll il-Kap tal-PN Bernard Grech akkumpanjat mid-deputat tal-PN Jerome Caruana Cilia – attirat lista ta’ parteċipanti lokali kif ukoll internazzjonali; fosrhom uffiċjali eżekuttivi, dawk li jfasslu l-politika tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Gvern, uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet globali, investituri, kif ukoll akkademiċi u riċerkaturi rinomati.

Minn naħa tiegħu, ic-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella tkellem fuq il-pilastri importanti tas-sostenibbilta`, id-diġitalizazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji. 

Diversi suġġetti ġew diskussi matul il-konferenza inkluż ir-rwol tas-servizzi finanzjarji fl-ambitu tal-ESG u l-kisba tal-miri Net Zero; il-Green Bonds; is-servizzi finanzjarji u l-Blue Economy; l-ekosistema tal-fintech f’pajjiżna; u l-intelliġenza artifiċjali fis-servizzi finanzjarji.

Barra minn hekk, il-konferenza indirizzat ukoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Servizzi Finanzjarji mnedija mill-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji ta’ pajjiżna f’Marzu li għadda, fil-kuntest tal-viżjoni li Malta tkun rikonoxxuta bħala ġurisdizzjoni tas-servizzi finanzjarji kompetittiva, sigura u kredibbli, li teċċella fl-innovazzjoni permezz ta’ qafas regolatorju aġili u infrastruttura teknoloġika reżiljenti.