Lokali Unjoni Ewropea

SOTEU: “Bżonn ta’ riforma u innovazzjoni – iċ-ċittadini jridu jingħataw widen” – Roberta Metsola

“Id-dinja qed tinbidel u aħna għandna ninbidlu wkoll.”

Dan saħqitu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-bidu ta’ The State of The Union fl-Emiċiklu fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu hekk kif insistiet li fl-aħħar snin l-Unjoni Ewropea ħabtet wiċċha ma’ kriżi finanzjarja, pandemija, l-isfida ta’ Brexit…u l-gwerra fir-Russja.

Metsola saħqet li l-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha u magħquda daqs qatt qabel…iżda insistiet li għandha taddatta għaż-żminijiet.

Dan filwaqt li spjegat li preżentament hawn ħafna nisa u tfal li qed jaffaċċjaw sfidi enormi, realtajiet koroh f’dan il-kontinent stess…u għalhekk il-ħidma għandha tibqa tkompli.

Matul l-iState of the Union ġew indirizzati numru ta’ punti li qed iservu bħala sfida għall-Unjoni fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, l-immigrazzjoni, l-għoli tal-ħajja, u t-tibdil fil-klima.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen indirizzat dan SOTEU li t-tmiem tiegħu witta t-triq għal ġirja ta’ 300 jum sal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.

Hija saħqet li deħlin fi żmien fejn il-poplu jrid jiddeċiedi x’tip ta’ Ewropa jixtieq.  Dan filwaqt li insistiet li l-Unjoni Ewropea li għandna illum tirrifletti il-viżjoni ta’ dawk li ħolmu għal futur aħjar wara t-Tieni Gwerra Dinjija..futur li jgħaqqad pajjiżi.

Hija tkelmet dwar l-isfidi li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħha rigward it-tibdil fil-klima. Għaldaqstant von der Leyen spjegat li l-Unjoni Ewropea għandha tibda taħdem b’serjetà fuq dak imsejjaħ bħala Green Deal – b’ambizzjoni u strateġija favur enerġija rinnovabbli.

Dan filwaqt li tkelmet dwar il-bżonn ta’ xogħol ta’ kwalità u immigrazzjoni bejn stat membru u ieħor,  li jassigura prosperità li tirrifletti l-progress ta’ żminijiet.

Fid-dawl tal-inflazzjoni li dejjem qed tiżdied, parzjalment kawża wkoll tal-gwerra fl-Ukrajna – von der Leyen sostniet li hemm diversi sfidi li l-Unjoni Ewropea qed taħdem fuqhom u għaldaqstant hija ħabbret li se tkun qed tisma mill-kumpaniji żgħar u medji sabiex verament jaraw l-isfidi li qed jaffaċċjaw.

Dan filwaqt li spjegat li l-Unjoni lesta tagħti wkoll 50 biljun ewro oħrajn sabiex wara l-gwerra l-Ukrajna terġa tinbena u tirriforma mill-ġdid.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret li b’rabta ma’ dan kollu se tkun qed tqabbad lill-eks Prim Ministru Taljan Mario Draghi sabiex jevalwa l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea…għaliex fi kliemha…l-Ewropa se tagħmel ħilitha kollha biex tibqa’ kummerċjalment kompetittiva.

Hija saħqet dwar l-importanza ta’ intelliġenza artifiċjali sigura u li tiggarantixxi ħidma b’etika.

B’rabta mal-immigrazzjoni, Ursula von der Leyen saħqet li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea turi kompassjoni iżda insistiet li hemm bżonn ta’ id iebsa kontra t-traffikanti tal-bniedem.

Intant, il-President tal-Kummissjoni sostniet li l-Unjoni Ewropea se tibqa tagħti s-sostenn kollu meħtieġ lill-Ukrajna  fejn spjegat li din is-sena biss l-Unjoni ħarġet 12-il biljun ewro  biex il-pajjiż jibqa’ għaddej f’din il-gwerra.

Hija insistiet li l-Unjoni Ewropea lesta tikber u tilqa stati membri oħrajn – inkluż l-Ukrajna u l-Moldova.

Finalment Ursula vonder Leyen saħqet li l-passi li l-Unjoni se tieħu illum se jfasslu l-ġejjieni tagħna.

Aktar kmieni l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qabel ma’ daħlet fl-Emiċiklu indirizzat lill-ġurnalisti fejn iddeskreviet dan is-SOTEU bħala l-bidu tal-aħħar sprint li jwassal għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Hija saħqet li tittama li mid-diskussjonijiet tal-lum joħorġu konklużjonijiet u riżultati pożittivi.

Metsola sostniet li dan it-terminu kien ikkaratterizzat minn pandemija, gwerra u emerġenza fil-klima u għalhekk saħqet dwar l-importanza li ċ-ċittadini jingħataw widen u konsegwentament hemm bżonn ta’ riforma qawwija, b’innovazzjoni u determinazzjoni.

B’rabta mal-immigrazzjoni hija spjegat li wara t-traġedja ta’ Lampedusa ta’ ftit ta’ snin ilu jidher li l-Awtoritajiet ma tgħalmu xejn għaliex mil-lat leġiżlattiv għadu prattikament ma nbidel assolutament xejn u għaldaqstant insistiet dwar l-importanza li dan is-suġġett ma jibqax jinxteħet taħt it-tapit u tinstab soluzzjoni b’mod imminenti illum qabel għada.