Lokali Qorti

Tliet Bulgari jinżammu arrestati fuq akkużi ta’ pickpocketing fil-Belt Valletta

Anzjana ta’ 68 sena, binha ta’ 46 sena u mara ta’ 26 sena li ma tiġix minnhom u li lkoll huma Bulgari nżammu arrestati wara li ġew mixlija li s-sena l-oħra kienu nvoluti f’racket ta’ pickpocketing fil-Belt Valletta.

Aleksandrova Gergina u binha Alekandrov Zlatko flimkien maż-żagħżugħa Aleksandrova Eftim wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom li allegatament seħħew bejn is-6 u s-17 ta’ Settembru tas-sena l-oħra. Waqt li inqrawlhom l-akkużi, Eftim bdiet tolfoq u tibki, kif beda jagħmel ukoll Zlatko għalkemm mhux bl-istess intensità.

Fost is-serq li ġew akkużati bih f’postijiet ċentrali tal-Belt kapitali kien hemm ‘handbags’, nuċċali tax-xemx u ieħor tal-vista, wieħed minnhom tal-marka Ray Ban, kartieri u għal darba darbtejn, 600 ewro fi flus kontanti.

Il-Bulgaru ta’ 46 sena ġie mixli wkoll li huwa reediv. Mis-sena l-oħra ‘l hawn il-Bulgari kienu qed jabitaw f’lukanda ġewwa San Ġiljan. Huwa mifhum li Pulizija osserva lill-akkużati jħufu l-Belt u għorkitu għajnejh li dawn setgħu kienu parti minn grupp li jwettqu s-serqiet. Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-Pulizija kellhom evidenza biżżejjed fuq it-tliet akkużati li kienu qed jippreparaw biex jaqbdu titjira lura lejn pajjiżhom.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chrcop għamel talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qal li dawn għandhom indirizz fejn joqgħodu u li ilhom jgħixu Malta. Madankollu l-Ispetturi Gabriel Micallef u Daryl Borg oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għax qalu li lukanda mhijiex residenza fissa u li m’għandhom l-ebda irbit mal-pajjiż u għalhekk hemm il-biża li ma joqgħodux ma’ l-ordnijiet tal-Qorti. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba bl-akkużati jintbagħtu l-ħabs.