Ikompli joħroġ biċ-ċar li r-racket ta’ serq li jlaħħaq il-miljuni ta’ ewro mill-benefiċċji soċjali kien marbut max-xiri ta’ voti.
Dan hekk kif waqt il-programm Feedback fuq Net FM persuna qalet illi minkejja li tbati minn diversi kundizzjonijiet u t-tabib qalilha li ma tistax taħdem l-applikazzjoni tagħha għall-benefiċċji qatt ma ġiet aċċettata; sempliciment għaliex kienet Nazzjonalista.
Minn naħa l-oħra mijiet ta’ persuni ingħataw benefiċċji soċjali li ma kinux intitolati għalihom; flus mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.
Din il-persuna spjegat li meta kienet f’post partikolari tilmenta dwar il-fatt li mhu qed tasal imkien sabiex tieħu l-flus li hija intitolata għalihom, mar raġel warajha u għaddielha karta bin-numru tal-ex Deputat tal-Labour Silvio Grixti.
Hija qalet li ftit tal-jiem wara rċiviet telefonata u għamlulha appuntament ma’ Grixti – iżda dakinhar stess ġie kanċellat ħesrem. Din il-persuna sostniet li qatt ma reġgħet rċiviet telefonata oħra filwaqt li qalet li tissusspetta li dan kollu kellu x’jaqsam mal-politika.
Il-mara kompliet tispjega li pruvat tapplika kemm-il darba għal benefiċċju iżda l-applikazzjoni tagħha qatt ma għaddiet.
//= $special ?>