Lokali

Dokumenti oriġinali marbuta ma’ Jum l-Indipendenza

Ritratti oriġinali, inviti, gazzetti, posters u ħafna oġġetti oħra relatati mal-jum li fih pajjiżna kiseb l-Indipendenza. Din hija l-memorabilja li wieħed isib fil-Librerija tal-Partit Nazzjonalista; kollha memorji li jimmarkaw l-istorja ta’ pajjiżna.

F’din il-librerija wieħed isib minn gazzetti li jmorru lura ħafna snin sa kull tip ta informazzjoni u dokumenti importanti dwar avvenimenti uniċi li sawwru lil pajjiżna.

F’kummenti ma’ Net News il-librar tal-Librerija INFORMA Alexander Jacobsen spjegalna kif iddeċieda li jgħaqqad esebizzjoni sħiħa b’dokumenti relatati mal-Indipendenza kif ukoll ritratti li juru kif il-Partit Nazzjonalista kompla jiċċelebra l-Indipendenza matul is-snin.

Apparti minn hekk, Jacobsen qasam magħna l-aktar ħaġa li interessatu minn dak li sab, filwaqt li esprima li kien jintilef għal sigħat sħaħ jitgħallem aktar dwar dak li kien qiegħed jiltaqa’ miegħu fil-librerija.

Pajjiżna sar Indipendenti fl-1964 grazzi għall-ħidma mill-Partit Nazzjonalista – dak iż-żmien immexxi minn Gorg Borg Olivier.